Il-linja l-ġdida tal-ajru
Għada t-Tnejn il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ser iħabbar il-linja l-ġdida li mistennija ikun hemm aktar titjiriet u passiġġiera, filwaqt li t-375 impjegat se jinżammu
Għada t-Tnejn il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ser iħabbar li l-linja tal-ajru AirMalta effettivament ser tingħalaq u tispiċċa, u minflok ser tiġi kkreata kumpanja ġdida.
Ser jenfasizza li l-klijenti mhux ser jindunaw bil-bidla. Infatti l-branding u l-marketing ser jibqgħu l-istess.
Dan ser iseħħ wara diskussjonijiet twal u ibsin mal-Kummissjoni Ewropea, diskussjonijiet ibsin imma skont is-sorsi sa ċertu punt kienu pożittivi. L-istorja tal-Air Malta ssib l-għeruq tagħha fis-sebgħinijiet.
Il-Kumpanija serviet bħala l-linja Nazzjonali ta’ pajjiżna u kienet it-tarbija tal-Prim Ministru Duminku Mintoff, immexxija fil-bidu tagħha minn Bertu Mizzi, negozjant li kien ħaġa waħda ma’ Mintoff. Matul is-snin kienet immexxija minn għexieren ta’ nies appuntati, mhux dejjem għax kienu kapaċi, imma għax kienu leali politikament.
Matul is-snin l-Air Malta serviet il-pajjiż billi tatna indipendenza fil-konnettività u kif ukoll niedet negozji ġodda għal pajjiżna. Eluf ta’ impjegati għexu minn fuqha u miljuni ta’ passiġġiera użaw is-servizz tagħha.
Iżda min-naħa l-oħra kien hemm ukoll abbuż sfrenat tal-Air Malta mill-politiċi, fejn saru ħniżrijiet kbar u ġew ingaġġati ħaddiema b’pagi redikoli li ma jagħmlux sens. Kien hemm patrunaġġ politiku flagranti. Kien hemm infatti telf ta’ miljuni u skemi ta’ rtirar li spiċċaw faqqru l-kaxxa ta’ Malta.
Ma kien l-ebda mistħija għal mod kif din il-kumpanja baqgħet titlef il-miljuni. U bil-wasla tal-kumpaniji bħar-RyanAir, il-futur tal-Air Malta kien wieħed inċert.
Il-linja l-ġdida ser iżżomm tmien ajruplani iżda ser ikun hemm aktar titjiriet u passiġġiera. Il-business plan skont is-sorsi ser iħalli profitti u mhux ser ikun hemm l-istess infiq u spejjeż. It-375 impjegat ser jinżammu.
It-tranżizzjoni skont is-sorsi ser tkun waħda bla ntoppi għall-passiġġiera.
Rapporti fil-media kkwotaw liċ-Chairman tal-Air Malta David Curmi li qal li l-Kummissjoni Ewropea ppreferiet li Malta tadotta l-mudell li użat l-Italja, li laħqet ftehim ma’ Brussell biex tagħlaq il-kumpanija Alitalia u tiftaħ linja tal-ajru nazzjonali ġdida.
Wieħed irid jara jekk din il-kumpanija tal-ajru hux ser tirnexxi jew le.
Jidher li l-ingredjenti kollha hemm qegħdin. Issa rridu naraw jekk fil-kuntest internazzjonali u l-kompetizzjoni mil-low cost, din il-linja nazzjonali hix ser tirnexxi u taqdi servizz li fi gżira żgħira bħal tagħna hija kruċjali.
Aħna nawguraw li iva!