Insaħħu Malta Tagħna | Ramona Attard

Insaħħu Malta Tagħna hija l-viżjoni li l-Partit Laburista ser jiċċentra fuqha l-Konferenza Ġenerali li ser tibda nhar il-Ħadd 8 ta’ Ottubru u tintemm bid-diskors u l-viżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela f’Dar il-Mediterran.

Għal kull min hu fil-politka bħali u jiddedika ammont ta’ ħin sostanzjali ’l bogħod mid-dar u mill-familja, l-għan li jħalli lil Malta aktar imsaħħa milli sabha – mhux biss għall-preżent iżda anke għall-ġenerazzjonijiet futuri – iżommu għaddej bil-ħidma tiegħu. Personalment dan kollu jagħmel il-mixja politika tiegħi ta’ valur. Mingħajr dan l-għan, il-politka titlef is-sugu u l-iskop tagħha.

Niltaqa’ ma’ ħafna nies li għandhom għal qalbhom il-Partit Laburista u jgħiduli li ma nsemmux u nirrepetu biżżejjed x’għamel Gvern Laburista. Il-konferenza bit-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-Budget, fetħitilna għajnejna fuq dan kollu.

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana spjega li s-sena d-dieħla ser inkomplu ninvestu 350 miljun ewro sussidji tal-enerġija, fuels u qmuħ. Dan il-budget ser jibda mill-ewwel bi 350 miljun ewro minn taħt għax il-Gvern iħaddan politika li jipproteġi l-komunitajiet Maltin u Għawdxin, miżuri ta’ sostenn u mhux ta’ awsterità. Pereżempju li kieku dan il-Gvern ma kompliex bis-sussidji, meta mmorru biex nimlew it-tank tal-karozza bil-petrol, il-fuel kien mill-ewwel jogħla 45 ċenteżmu l-litru. Il-kont tad-dawl jogħla wkoll b’ħafna.

U għalhekk Insaħħu Malta, għax il-ġid kollu li sar irridu nsaħħuh u fejn hemm bżonn, biex insaħħuh, jittieħdu deċiżjonijiet ġodda għax in-nies jistennew mingħandna politika li tindirizza x-xewqat u l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Għalhekk ukoll Insaħħu Malta Tagħna hija l-viżjoni li l-Partit Laburista ser jiċċentra fuqha l-Konferenza Ġenerali li ser tibda nhar il-Ħadd 8 ta’ Ottubru u tintemm bid-diskors u l-viżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela f’Dar il-Mediterran.

Din ser tkun Konferenza Ġenerali li minnha ser nibnu ideat u prinċipji li jitwettqu sabiex pajjiżna jimxi aktar skont dak li jridu l-Maltin u l-Għawdxin.

B’dan il-ħsieb din ser tkun Konferenza Ġenerali li ser tiftaħ il-bibien għal kulħadd. L-istedina hi biex int minn fejn int, tingħaqad magħna u tiġi tgħid tiegħek. Ma jinteressaniex minn fejn ġej iżda għal xiex tista’ tikkontribwixxi.

Fil-Konferenza Ġenerali fuq kollox ser noffru spazju għall-attivisti tagħna biex ikollhom sehem ċentrali fit-tfassil tal-politika tal-Partit.

Mhux ser tkun Konferenza li ser tibqa’ f’post wieħed, iżda konferenza li ser iddur it-tlettax-il distrett elettorali ta’ Malta u Għawdex, permezz ta’ żjarat ma’ diversi komunitajiet, ngħidu aħna bdiewa, sportivi, ambjentalisti, ħaddiema fit-turiżmu, u anzjani.

Fuq kollox, ser tkun Konferenza li tagħti lok għal diskussjoni f’diversi oqsma fosthom fl-MCAST nhar it-Tlieta 3 ta’ Ottubru fis-18.00, b’workshop bit-tema ‘Malta ta’ Ħiliet’ li fih ser niddiskutu x’Malta rridu fl-oqsma tax-xogħol u tal-edukazzjoni. Se niddibattu wkoll fuq fejn nemmnu li għandha tmur it-tranżizzjoni ekonomika.

L-Erbgħa 4 ta’ Ottubru fis-18.00 fis-sala tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, niddiskutu ‘Il-komunitajiet li rridu ngħixu fihom’. Niddiskutu mal-Kunsilli Lokali, mal-għaqdiet volontarji u ma’ kull min għandu għal qalbu l-ħajja fil-komunitajiet tagħna.

Il-Ġimgħa 6 ta’ Ottubru fis-18.00 f’Villa Bighi l-Kalkara, niddiskutu s-saħħa mentali. Qasam tant importanti, fejn nemmnu li rridu nagħmlu qabża kbira. Hemm xogħol importanti għaddej, imma rridu li din it-tema tingħata aktar attenzjoni fuq l-aġenda nazzjonali. Iridu nneħħu l-istigma, u l-ewwel pass biex nagħmlu dan hu li l-pajjiż jitkellem fuq is-saħħa mentali.

Għalhekk Malta tagħna. Għax flimkien irridu li kulħadd jgħix f’komunitajiet li jagħmlu l-ġid lil xulxin.

Il-pjan biex insaħħu Malta tagħna hu ċar b’elf proposta li fassalna flimkien mal-Maltin u l-Għawdxin fil-manifest elettorali Malta Flimkien.

Malta hija ċ-ċentru tal-politka tagħna. Malta tagħna li hi champion tal-ugwaljanza. Kull meta nftaħna dejjem imxejna ’l quddiem u għalhekk irridu nkomplu ninfetħu, nitkellmu mal-komunitajiet tagħna sabiex inkomplu nindirizzaw il-bżonnijiet tan-nies.

Li kieku ma nkunux flimkien fil-komunitajiet, ma nkunux nistgħu nifhmu kemm hu importanti li għas-sigurtà tal-komunitajiet Maltin, membru tal-Korp Dixxiplinat li għalaq 25 sena fis-servizz jiġi inċentivat sabiex ikompli

jagħti s-servizz tiegħu għax hu minjiera ta’ esperjenza. Il-Gvern nieda miżuri biex ma jitlifx ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati b’esperjenza billi wettaq tisħiħ fil-pensjoni b’żieda ta’ 23% jekk membru ta’ Korp jaħdem sa 29 sena servizz u somma mhux taxxabbli ta’ sitt xhur sena bażika għal kull sena li jaħdem aktar fis-servizz sa massimu ta’ erba’ snin.

Li kieku ma nkunux qrib il-komunitajiet tagħna ma nifhmux kemm jista’ jsir aktar biex ikollna bliet u rħula nodfa. Għalhekk il-Kunsilli lokali ser ikollhom is-setgħa li jitolbu mingħand l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu dettalji u informazzjoni rigward sidien li huma responsabbli minn postijiet għal btala bl-għan li jkunu jistgħu jieħdu miżuri edukattivi u anke ta’ inforzar fuq is-sitwazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart fil-lokalitajiet.

Għall-komunitajiet tagħna importanti wkoll li min jgħix f’pajjiżna jgħix ħajja tajba diċenti u ma jiġix sfruttat fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk saru l-bidliet fil-leġiżlazzjoni sabiex temping agencies li joperaw f’pajjiżna u jisfruttaw il-ħaddiema jiġu identifikati u ma jitħallewx joperaw, filwaqt li dawk li huma serji, u li jġibu l-workforce li dan il-pajjiż għandu bżonn sabiex ikompli jsaħħaħ l-ekonomija tiegħu, ikunu inċentivati.

Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru Robert Abela tella’ l-kwistjonijiet li jolqtu l-Maltin fuq pjattaformi internazzjonali, bid-diskors ta’ viżjoni li għamel fin-Nazzjonijiet Magħquda u waqt is-Summit tal-MEd-9.

Fil-jiem li ġejjin issa, flimkien mal-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, ser immorru b’dak li jolqot in-nies fil-qalba tal-komunità biex Insaħħu Malta Tagħna.

 

Ramona Atttard hija avukat u President tal-Partit Laburista

More in Politika