Il-mexxejja politiċi u tal-knisja f'Malta u Għawdex | Colin Apap

Father Colin Apap jirrifletti fuq il-poter f'Malta u d-differenzi fil-poteri politċi u dawk tal-knisja

Malta jistħoqilha l-mexxejja li tagħżel. U biex tkun taf kemm dawn il-mexxejja huma tajbin ħares lejn in-nies li hemm madwarhom. Mexxejja tajba jagħżlu nies ta’ ħila u mhux għax għandhom għajnejnhom blue jew ħomor.  L-ineffiċjenza ta’ dawn il-mexxejja taraha mill-inefiċjenza tan-nies ta’ madwarhom. Id-dnubiet tagħhom jirriflettu l-ħiliet jew in-nuqqas ta’ ħiliet ta’ min jagħżilhom. Il-poter faċli li jitla’ għal ras min ikun – speċjalment dawk li qatt ma kellhom il-poter f’idejhom. Min għandu l-poter assolut  jikkorrompi ruħu b’mod assolut. Bħalma kien jgħid Ix-Xiħ tal-politika taljana:  Il potere logora chi non ce l'ha.   Anki jekk din l-aforiżmu ikkupjaha mill-famuż Franċż Tas-Settecento, Charles Maurice de Tayllerand, Gulio Andreotti kien jaf x’inhu l-poter.  Akkużawh b’kollox, inkluż li hu Mafjuż, b’kollox ħlief li l-Gwerrer Puniċi huma tort tiegħu ukoll! 

Dan ma jgħoddx biss għall-politiċi. Wara kollox għandna ċ-ċans li nibdluhom kull ħames snin. Jekk nindunaw li wettqu ħidmiethom tajjeb nistgħu nivvutawlhom mill-ġdid– inkella nħalluhom l-art. Imma fejn jidħlu l-Isqfijiet tagħna dan ma nistgħux nagħmluh. 

L-Isqfijiet, ta’ Malta u Għawdex, huma mexxejja li ħafna minna nħarsu lejhom biex imexxuna. Mhux tant min huma imma minħabba l-kariga ta’ awtorita’ u responsabbilta’ li għandhom. Ma għażilnihomx aħna; ma vvuajnilhomx – u l-anqas għandna ċ-ċans li nivvutaw jekk inżommuhomx għal ħames snin jew le. Uħud jibqgħu ħafna iżjed minn ħames snin….. 

Is-Sinodu dwar is-Sinodalita’ li ser jibda dal-waqt, ser jitfa’ dawl iktar dwar il-governanza fil-Knisja, li hi aħna lkoll, suppost. Ir-role tal-lajċi, speċjalment tan-nisa, ser isir iktar ċar. Imma tista’ tbiddel kemm trid ir-regoli jekk ma jkunx hemm konverżjoni tal- qalb u l-moħħ ikun kollox bla bla bla. Fit-tejorija u fil-prattika hemm kemm alla ħalaq kumitati u strutturi fi ħdan il-Knisja u fil-parroċċi imma fil-fatt min jikmanda huwa dejjem l-istess.  

Għawdex hu dinja għaliha. Missieri, Tarċisju Apap, li hu Għawdxi, bir-razza u r-radika, kien jitbiddel kif jeħodna f’art twelidu. L-Għawdxin huma speċjali. F’kollox. Jew kważi. F’Malta, bħala familja, ma drajniex bil-festa ta’ San Pubulju, l-Furjana. fejn twelidt.. Imma meta konna nitilgħu għall-Festa ta’ Santa Marija, kull sena, id-dar kienet issir rivoluzzjoni. Kollox jitbiddel. 

L-istess fil-Knisja f’Għawdex. Huma differenti minn Malta. Għandhom il-problemi bħal kull Djoċesi oħra fid-dinja. Imma għandhom mexxej li hu qrib in-nies, qrib is-saċerdoti. Hu sempliċi u ma jfittix titli biex jiġi aċċettat. Kull darba li ltqajt miegħu skoprejt xi tfisser ikollok Mexxej li hu missier, kapaċi jisma’, jempatizza u taf li hu hemm għalik. Huwa person-oriented u mhux work-oriented.  Għadu kif qaleb il-personnel tiegħu ta’ taħt fuq – mhux faċli – imma r-rapport li jibni matul is-snin ma’ kull min jiltaqa’ miegħu jagħtih l-awtorita’ li tiġi mir-rapport ġenwin u sinċier.. Għalhekk jitkellem b’awtorita’.. Mhux għax hu Isqof-Mexxej. Imma għax hu ġenwin. Dak li tara, issibu.  

Fr JOE INGUANEZ 

Lil Joe inħobbu għax kien uman. Qabel ma hu qassis, qabel mhu akkademiku huwa uman. Bniedem tad-demm u l-laħam! Bniedem bħali u bħalek. Min kien jafu kien jammirah għax  kien jitkellem b’passjoni, jemmen dak li jgħid u jgħid dak li jemmen. Għalhekk kellu din il-forza u s-saħħa li jwassal messaġġ bla biża’ u jgħid dak li jemmen. 

Fr Joe kien akkademiku – wieħed mill-ftit soċjoloġi tal-Knisja Maltija. Kien jara fil-bogħod. Ma jintilifx fid-dettalji imma fil-patterns li jimmarka minn snin qabel. Bħal kull profeta Fr Joe kien mismugħ – u mweġġa’ minn sħabu stess. Niftakar kien jgħidli: “imma għaliex lili jaqbdu miegħi?”.  

Laqatni l-kumment li li kiteb fuqu Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tad-Djoċesi u kollega tad-“Discern“ l-id il-lemenija tad-Djoċesi fejn tidħol riċerka li tagħraf is-sinjali ta’ żminijietna  kif jolqtu l-Knisja f’Malta., “Kollega. Għalliem. Ħabib”. 

Joe, nimmisjawk! 

More in Politika