Editorjal | Sondaġġi jgħidulna storja
Il-politika hija vokazzjoni, imma jidher li għal xi wħud huwa eżerċizzju fl-egoċentriżmu u r-regħba. Hemm bżonn li nerġgħu lura għall-għeruq u nsibu t-tifsira ta’ vera tal-politika
Is-sondaġġi mhumiex vanġelu imma jtuk indikazzjoni. Għal snin twal ma kienx hawn sondaġġi, nibtu tal-MaltaToday u wara l-MaltaToday nibtu oħrajn. Dawn kienu fuq medda ta’ snin u jagħtu indikazzjoni ta’ kif sejra l-biċċa. Il-gazzetta oħt għandha raġun tkun kuntenta li permezz tas-sondaġġi influwenzat mhux ħażin id-direzzjoni politika jew inkella d-diskussjoni politika.
Huwa ta’ dispjaċir għalina li naraw li meta hemm indikazzjonijiet ripetuti jkun hemm min jipprova jnaqqas u jimminizza dak ir-riżultat.
F’kull sondaġġ hemm sinjal ċar li hemm numru mdaqqas ta’ Laburisti li ma jridux jivvutaw. Ikun żball kbir li l-Partit Laburista jgħid li dawn ma jridux jivvutaw għax ma nqdewx. Skuża faċli u wisq aktar pastaża.
Illum il-votant Laburista huwa mdejjaq li m’għandux Gvern li qed jisma’ u wisq aktar Gvern li nesa minn fejn ġie. Ejja nkunu ċari dan mhux issa ġej.
It-traġedji u t-tgerfix tas-snin ta’ Muscat kien il-kaġun li ħafna nies tilfu l-fiduċja fis-sistema politika fejn raw il-politiku mhux bħala persuna diċenti imma persuna li moħħu fih innifsu.
U qed jiġru wisq affarijiet li huma politika tal-konvenjenza, tal-mument u mhux politika li taf fejn hi sejra.
Huwa għalhekk li kwalunkwe deċiżjoni mill-Prim Ministru Robert Abela trid tkun meqjusa u maħsuba.
Irid jibda billi l-ewwel nett il-Partit Laburista jkun immexxi minn nies li għandhom il-ħeġġa u l-amor proprju biex ibiddlu u jwettqu u jmexxu. Li r-riformi soċjali jkomplu u mhux jieqfu. Li l-politika tiġi xprunata mhux mill-interessi tal-gruppi l-kbar imma minn dik tal-klassi l-medja li kibret tant f’dawn l-aħħar 40 sena.
U li jiġu apprezzati n-nies kollha ta’ ħila tajba.
Il-politika hija vokazzjoni, imma jidher li għal xi wħud huwa eżerċizzju fl-egoċentriżmu u r-regħba. Hemm bżonn li nerġgħu lura għall-għeruq u nsibu t-tifsira ta’ vera tal-politika.
Cyrus Engerer
Cyrus Engerer kien fi żmien kubrita importanti għar-riformi LGBTQI. Imma jibqa’ l-fatt li huwa bniedem mimli enerġija u kunflitti. Twieled fil-Partit Nazzjonalista, u sab ruħu f’Partit li kien xempju għar-riformi soċjali. Deher f’dawn l-aħħar xhur skomdu fil-Partit Laburista u ma provax jaħbi x’qed jaħseb. Jidher li m’għandux xi futur fit-tul fil-PL. Hija ħasra għax il-PL għandu bżonn nies differenti u wisq aktar xellugin.
Imma hemm ukoll verità oħra. Il-partiti politiċi tagħna mhumiex imfassla biex jassistu għal diverġenzi. Ħafna drabi l-politika jew id-diskussjoni politika hija superfiċjali, u l-poter huwa kollu kemm hu fil-kap jew fil-mexxej.
Il-lealtà hija importanti fis-sistema tal-partiti, imma n-nuqqas ta’ diskussjoni u diverġenzi, le. Jeħtieġ li ninbidlu biex ikollna politiċi aħjar u aktar effikaċi.