
Bobby vs Robert
Sandra Gauci tgħid li l-attakk immirat mill-Prim Ministru Robert Abela lejn il-Maġistrati u l-mexxej tal-għaqda Repubblika, juri li Abela mhux denju ta' mexxej ta' pajjiż

L-attakk isteriku u mmirat li sar mill-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela lejn il-Maġistrati kif ukoll lejn il-mexxej tal-għaqda Repubblika fil-Parlament din il-ġimgħa huma kundannabbli u mhux denji ta’ mexxej ta’ pajjiż.
Li f’dik li suppost hi l-ogħla istituzzjoni ta’ Malta jiġu skreditati l-Maġistratura u ttimbrati bħala partiġġjani u li jżommu ma’ xi partit hu diskors perikoluż li sar biex jimmina s-saħħa tal-qrati u jpoġġi d-dubji f’moħħ il-poplu. Dan id-diskors jieħu xejra kerha fid-dawl ta’ dak li ħareġ mill-qrati tagħna ftit qabel dwar il-każ tal-Vitals.
Diskors infantili ta’ Prim Ministru li għax is-sentenza ma għoġbitux, mela żgur hemm konfoffa, u l-Maġistrati jiffavorixxu l-Partit Nazzjonalista. Donnu nesa li qed imexxi pajjiż u li kliemu jista’ jkollhom effetti koroh u jidhru ta’ theddid.
L-istess theddid li ġarrab Robert Aquilina li alavolja ma ssemmix ismu kien ċar li kien dirett lejh. L-ebda prim ministru ma jista’ jagħmel diskors bħal dak immirat lejn ċittadin fil-parlament mingħajr ma’ dan ikun jista’ jirribatti. Abela qed jabbuża b’mod sfaċċat mill-pożizzjoni ta’ awtorità tiegħu u jagħmilha ta’ bully ma’ min jikkritikah.
Dan mhux diskors denju ta’ mexxej ta’ pajjiż li jissejjaħ demokratiku fejn suppost il-kritika hija s-sinsla tad-demokrazija. Kritika li l-Prim Ministru deher li jrid joħnoq u jrid li tgħaddi biss tiegħu inkella jilgħabha tal-vittma u tal-miskin.
Abela għandu jitkellem b’aktar responsabbiltà u maturità u jiftakar li kliemu jista’ jkollhom riperkussjonijiet gravi. Deher diskors ta’ tifel żgħir li għax ma għaddietx tiegħu beda jattakka lil min jikkritikah.
Hemm bżonn il-maturità fit-tmexxija u din nieqsa sew fit-tmexxija ta’ Abela li ma’ kull każ ta’ korruzzjoni dejjem kien it-tarka tal-korrott. Xebbajtna!