Editorjal | Metsola trid jew ma tridx tkun politiku Malti?
Huwa faċli ħafna li tkun politiku u tikkritika u tikxef nuqqasijiet ta’ dak li jkun, bħal m’huwa faċli wkoll li taqbeż għall-ġurnalisti, iżda jidher hija storja ferm differenti meta tkun qed tmexxi u tiġi mitloba tirrispondi għall-azzjonijiet tiegħek
Id-deċiżjoni ta’ Roberta Metsola li taħrab mill-ġurnalisti hija inkwetanti ferm.
Wieħed kien jistenna ferm aktar minn persuna li taspira li tkun Prim Ministru, aktar u aktar mill-President tal-Parlament Ewropew, li mhux biss hija kontabbli għall-Maltin li eleġġewha, iżda numru ferm akbar ta’ nies madwar l-Unjoni Ewropea.
Dan l-episodju aktar kmieni din il-ġimgħa jikxef nuqqas ta’ kunfidenza min-naħa tagħha, biżà li taffaċċja mistoqsijiet iebsin, u biżà li ma jkolliex risposti speċjalment fuq kwistjoni bħal m’hu l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, fejn il-ħajjiet ta’ mijiet ta’ eluf huma f’riskju.
Huwa faċli ħafna li tkun politiku u tikkritika u tikxef nuqqasijiet ta’ dak li jkun, bħal m’huwa faċli wkoll li taqbeż għall-ġurnalisti, iżda jidher hija storja ferm differenti meta tkun qed tmexxi u tiġi mitloba tirrispondi għall-azzjonijiet tiegħek.
L-ardir ta’ Joseph Muscat
L-intervista li kellu Joseph Muscat mal-eks preżentatur Laburist Manuel Cuschieri hija xhieda ta’ bniedem li jrid ikompli jargumenta li l-ftehim li kien sar b’kollużżjoni bejn il-Gvern u Vitals kien wieħed tajjeb, meta hu stess jaf li l-persuni involuti fil-ftehim kienu frawdisti u ma kellhomx il-kredenzjali neċessarji.
L-ILLUM diġà qalet dan fl-editorjal tagħna ġimgħa ilu, fejn fakkarna kif dan il-ftehim miżgħud bil-qerq ma ta ebda valur lill-poplu Malti li ħallas għalih, u bbenefika biss lil dawk b’intenzjonijiet li jħaxxnu buthom. Minkejja dan, Muscat jaħseb li jista’ jkompli jqarraq bil-pubbliku li ħallas mijiet ta’ miljuni f’dan il-ftehim.
F’dik li sejjaħ “intervista” ma’ Manuel Cuschieri, Muscat kompla jargumenta dwar il-bżonn li l-isptarijiet f’Malta jkunu diversifikari u għalhekk hemm bżonn li dawn jaqgħu taħt is-settur privat. Għalkemm hemm elementi ta’ verità fi kliemu hawn, dan xorta waħda jistona meta wieħed jiftakar li Muscat pej mill-Partit Laburista.
Lil hinn minn dan, il-problema vera tibqa’ li f’dan il-każ hija l-fatt li l-investituri kienu frawdisti, u li Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schmebri kienu jafu dan. Bosta nies li ħadmu mal-Gvern ta’ Muscat kemm il-darba jgħidu li ma kinitx taqa’ ġebla f’Malta u Għawdex mingħajr ma Muscat u Schembri jkunu jafu biha.
Fuq il-programm ta’ Cuschieri, Muscat prova jimpressjona billi jattaka l-Maġistrat inkarigata minn din l-inkjesta billi jgħid li hi preġudikata, u oħroġ il-għaġeb spiċċa qabel mal-Partit Nazzjonalista li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jiftaħ investigazzjoni hu stess fuq dan il-każ.
Jekk hemmx biżżejjed provi biex Muscat jitressaq il-Qorti, bħalissa ma nafux. Li hu żgur hu li hemm biżżejjed provi u argumenti biex nitolbu lil Muscat jieqaf jipprova jiddefendi dan il-ftehim u jistħi talli daħħalna f’wieħed mill-akbar skandli fl-istorja riċenti ta’ Malta.