Patt soċjali mġedded għall-Unjoni Ewropea
Il-pandemija tal-COVID-19 kixfet il-fraġilità u l-inugwaljanzi tas-soċjetajiet tagħna u ġabet fid-deher għadd ta’ difetti li kienu ilhom mistura u mgħottija mill-iżvilupp mgħaġġel riżultat tal-globalizzazzjoni u l-progress
Il-pandemija tal-COVID-19 kixfet il-fraġilità u l-inugwaljanzi tas-soċjetajiet tagħna u ġabet fid-deher għadd ta’ difetti li kienu ilhom mistura u mgħottija mill-iżvilupp mgħaġġel riżultat tal-globalizzazzjoni u l-progress. Miljuni ta’ nies madwar id-dinja, inkluż fl-Ewropa, tilfu l-impjieg, id-dħul tagħhom, saħħithom u d-dinjità tagħhom.
Il-kriżi wrietna b’mod speċjali l-importanza tas-solidarjetà, il-koperazzjoni u s-servizzi pubbliċi fi żminijiet ta’ bżonn. Ma nistgħux immorru lura għal kif konna qabel, daqslikieku ma ġara xejn ̶ irridu nitgħallmu u rridu nkunu kuraġġużi sabiex verament nibdlu l-isfidi li għandna f’opportunitajiet. Minbarra l-pandemija għandna ħafna aktar fatturi li qed ikomplu jibdlu d-dinja kif nafuha, mhux lanqas il-gwerer b’mod prominenti fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, però wkoll sfidi oħra kontemporanji bħalma huma t-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni diġitali. Li hu żgur hu li r-risposta għal dan kollu mhijiex li ningħalqu fina nfusna u nħarsu lejn l-interessi tal-ftit, iżda għandna bżonn patt soċjali ġdid li jpoġġi lin-nies l-ewwel.
Din hija l-viżjoni li b’mod konret, bħala Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew niġġieldu għaliha ta’ kuljum. Irridu li bil-fatti naraw Unjoni Ewropea aktar soċjali li tiggarantixxi d-drittijiet u l-benesseri taċ-ċittadini kollha tagħha u lil hinn minnha. Bħala Grupp konna l-mutur wara l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, sett ta’ għoxrin prinċipju li għandhom l-għan li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u deċenti, protezzjoni u inklużjoni soċjali, u opportunitajiet indaqs għal kulħadd.
Imbuttajna wkoll għal proposti leġiżlattivi konkreti biex jiġi implimentat il-Pilastru, bħad-direttiva dwar pagi minimi adegwati, id-direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli, id-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u d-direttiva dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn karċinoġeni u mutaġeni. Imbuttajna u għadna naħdmu fuq inizjattivi u kunċetti oħrajn li nemmnu li għandhom jidħlu bħala parti mid-drittijiet tal-ħaddiema, bħalma huwa r-Right to Disconnect, dritt li emmint fih sa minn qabel ġejt elett fil-Parlament Ewropew u li bqajt nitkellem fuqu sakemm wasalt biex nikseb l-appoġġ għal pożizzjoni b’saħħitha favur dan id-dritt.
Bħala Grupp konna u nibqgħu wkoll minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, speċjalment fost l-aktar gruppi vulnerabbli, bħat-tfal, in-nisa, il-minoranzi u l-persuni b’diżabilità. Għandna ħafna stejjer ta’ suċċess li rnexxielna naraw iseħħu inkluż il-Garanzija Ewropea għat-tfal, l-Istrateġija Ewropea għad-Diżabilità, l-Istrateġija Ewropea għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew kontra r-Razziżmu. Appellajna wkoll għal dimensjoni soċjali aktar b’saħħitha tal-Patt Ekoloġiku, it-tranżizzjoni diġitali u l-pjan ta’ rkupru, biex niżguraw li ħadd ma jibqa’ lura fit-trasformazzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna.
F’Malta għandna l-vantaġġ li din l-istess aġenda soċjali rajnieha fil-Gvern Laburista, aġenda li tipprijoritizza l-bżonnijiet tal-poplu fuq l-interessi tal-hit. Bħala pajjiż ksibna riżultati storiċi fit-tnaqqis tal-faqar, il-qgħad u l-inugwaljanza, filwaqt li rajna żidiet fil-paga minima, il-pensjonijiet, nefqa fl-edukazzjoni u fil-kura tas-saħħa. Il-bosta riformi progressivi fis-settur tad-drittijiet ċivili matul is-snin komplew ukoll inaqqsu l-inġustizzji soċjali u l-inugwaljanzi f’pajjiżna, progress li jagħmel lil pajjiżna mudell għal ħutna l-Ewropej. Pajjiżna huwa xhieda li s-soċjaliżmu mhux mejjet, iżda ħaj u attiv ħafna.
Madankollu, ma nistgħux inkunu kompjaċenti u nistrieħu biss fuq dak li għamilna, għaliex dak ikun il-mument li nfallu. Qed niffaċċjaw ħafna sfidi u theddid, kemm fuq livell domestiku, kif ukoll fuq livell Ewropew u globali li rridu nindirizzaw bis-serjetà. L-Unjoni Ewropea għandha bosta sfidi interni u esterni, li jeħtieġu rispons b’saħħtu u magħqud flimkien mal-Istati Membri. Żgur li rridu nkunu attivi biex niddefendu l-valuri u l-prinċipji tagħna u niġġieldu kontra l-populiżmu, in-nazzjonaliżmu u l-awtoritarjaniżmu, billi nindirizzaw sentimenti ta’ diżappunt u nkunu ta’ spalla.
Sabiex nagħmlu dan għandna bżonn Unjoni Ewropea li twieżen iktar il-weġgħat tan-nies u tilleġiżla fejn u kif meħtieġ biex naraw li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Nagħmlu tajjeb li nitkellmu fuq il-pożittiv li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ġġib magħha, imma rridu wkoll inħarsu lejn dak li mhux qed jiffunzjona kif mixtieq għaliex fl-aħħar mill-aħħar, il-prospetti ta’ kull ċittadin li aspira li jkun ċittadin f’Unjoni Ewropea b’saħħitha, ġusta u ugwali ma jistgħux jintremew. Bl-istess mod, inħares ukoll lejn id-drittijiet u l-benefiċċji li nippretendi li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom igawdu bħalma jgawdi kwalunkwe ċittadin ieħor fl-Unjoni, inkluż dawk li wieħed jippretendi minn funzjonament ekwu tas-Suq Intern.
Kontra ta’ dak li jipprovaw jgħidu xi wħud, is-soċjaliżmu mhux mejjet, anzi, nazzarda ngħid li f’dinja mimlija sfidi u tibdil kontinwu, is-soċjaliżmu huwa meħtieġ u relevanti ħafna aktar minn qatt qabel. Il-mira netta tagħna trid tibqa’ dik ta’ Ewropa aktar soċjali li tnissel tama għaċ-ċittadini tagħha u lil hinn minnha. L-aġenda soċjali trid tibqa’ fil-qalba tal-politiki kollha tal-Unjoni Ewropea.