Editorjal | Wara l-kwinti
Il-Media Defamation Act huwa pass importanti ħafna. Iżda bħalma ngħidu u jgħidu sħabna fil-media barranija, jekk mhux se jkun hemm strutturi finanzjarji u fiskali biex jiġu kkastigati permezz ta’ ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (qed ngħidu għal Google u Facebook), il-futur tal-media kif nafuha se tispiċċa llum qabel iż-żmien
Hawn ħafna pożi u dikjarazzjonijiet solenni li meta tiflihom min ma jkunx tal-mistjier ma jifhem assolutament xejn.
Hawn ħafna kummidjanti fil-media u ħafna double standards. Qed nirreferu hawn għal dawk is-siti li min jikteb fihom għandu skop malinn, tilef kawżi fil-Qorti fuq gideb u wkoll kien kompliċi ma’ min allegatament kien involut fi qtil ta’ ġurnalista. U minkejja kollox, ħaġa tal-iskantament, ħadd minn dawk li jdoqqu t-trombi għal din il-ġurnalista ma ssiblu xi kliem ta’ disprezz u kritika. Anzi l-oppost.
U qed ngħidu dan wara li l-Ġimgħa kien hemm ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-media fl-Ewropa.
Din id-dikjarazzjoni turi l-mod kif l-Ewropa tħares lejn l-importanza tal-ġurnaliżmu u l-indipendenza tal-media.
Waqt id-diskussjoni kien hemm intoppi fuq kif għandu jkun hemm sorveljanza fuq il-ġurnalisti.
Intlaħaq kompromess li dan jintuża biss f’każijiet speċjali. Tant hu hekk li fil-laqgħa li kellha mal-kbarat u mal-kapijiet tal-Istat, anke l-President Ewropew u d-Deputata Parlamentari Maltija Roberta Metsola qalet (skont il-gazzetta awtorevoli Politico) li tifhem li f’ċerti każijiet fil-pajjiż ma jkunx possibbli li tiġi evitata xi sorveljanza ta’ ġurnalisti.
Infatti din is-sena kien hemm każijiet partikolari ġewwa l-Bulgarija u anke ġewwa l-Litwanja fejn ġurnalisti ġew indagati minħabba konnessjoni mal-forzi sigrieti Russi u mkeċċija mill-pajjiż.
Fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-gwerer, id-droga u l-kriminalità, il-forzi tas-sigurtà se jibqa’ jkollhom il-poter.
Bħalma kellhom xi snin ilu meta ntwera li ġurnalist ta’ gazzetta ewlenija informa allegat kriminal li kien se jiġi arrestat mill-pulizija.
U allajbierek, dan il-ġurnalist, wara li tkeċċa minn fejn kien jaħdem, illum qed jikteb mingħajr isem għal pjattaforma li llum tippreżenta lilha nnifsha bħala xempju ta’ ġurnaliżmu safi.
Il-Media Defamation Act huwa pass importanti ħafna. Iżda bħalma ngħidu u jgħidu sħabna fil-media barranija, jekk mhux se jkun hemm strutturi finanzjarji u fiskali biex jiġu kkastigati permezz ta’ ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (qed ngħidu għal Google u Facebook), il-futur tal-media kif nafuha se tispiċċa llum qabel iż-żmien. U jekk ma jkunx hemm għajnuna biex il-media tiffunzjona b’ċerti standards mela daqt nispiċċaw f’xena fejn ikollna biss bloggers, pjattaformi mingħajr kontroll u media soċjali bbażati fuq il-click bait.