Il-Palazz tal-Gran Mastru bis-sbuħija kollha tiegħu lura għal għand il-poplu

Wara snin ta’ ħidma enormi, il-Palazz tal-Gran Mastru – ġawhra fil-qalba tal-Belt Valletta li jista’ jitqies il-benniena tan-nazzjon – qed jerġa’ jilqa’ l-viżitaturi mill-ġdid, hekk kif ġie inawgurat il-proġett estensiv tar-restawr intern tiegħu

Għadni niftakar qisu lbieraħ meta fl-2019, il-bieb kbir tal-Palazz beda jinżamm magħluq għall-viżitaturi. Minnu minflok ta’ kuljum bdew jidħlu ħaddiema mogħnija b’kull tip ta’ sengħa, u l-ħsejjes fis-swali nbidlu mill-għagħa ta’ turisti jitħaddtu b’kull lingwa għat-tektik u ż-żarżir ta’ għodod differenti u d-diskors eċitat tal-konservaturi u l-kuraturi mal-kxif ta’ saffi qodma ta’ żebgħa fuq il-ħitan. Hekk twieled l-aktar proġett ambizzjuż li qatt daħlet għalih s’issa Heritage Malta. 

Fih innifsu dan kien mument importanti għax kien wasal wara li kien irnexxielna noħorġu d-diversi uffiċini – il-Kamra tad-Deputati, l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u d-diversi entitajiet oħra – minn ġo dan il-Palazz. Ma kinitx xi ħaġa faċli imma kien kollu frott ta’ proċess li mexa arloġġ. Ħa nġib eżempju. Biex ħriġna l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kellna nagħmlu hekk: l-ewwel noħorġu l-Awtorità għat-Turiżmu mill-Auberge d’Italie, nirrestawraw l-Auberge d’Italie, noħolqu fiha l-Mużew għall-Arti (il-MUŻA), imbagħad id-dar li fiha kien hemm il-mużew l-antik għall-arti ġiet restawrata biex hemmhekk mar l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

Ukoll, il-President ta’ Malta Dr George Vella ħa d-deċiżjoni altruwista li joħroġ mill-Palazz biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jagħmlu x-xogħol meravilja ta’ restawr li wettqu. Nirringrazzja minn qalbi l-koperazzjoni tremenda li rajna mingħand il-President Dr Vella u l-istaff tiegħu, anke meta wieħed iqis is-sagrifiċċji li kellhom jgħaddu minnhom wara li kellhom jaħdmu fi spazju ridott u f’ħafna diffikultajiet mill-Palazz ta’ Sant Anton għal prattikament id-durata kollha tal-Presidenza. 

Wara l-2019 ġew essenzjalment erba’ snin ta’ ħidma kbira. Issa li ġie inawgurat dan il-proġett, beda kapitlu ġdid għal din il-binja ikonika hekk kif tajnieha lura lill-poplu u lill-viżitaturi fl-ammont ta’ 85 fil-mija tal-ispazju kollu. 85% huwa ammont tajjeb immens tenut kont li dan hu Palazz operattiv fejn il-President ta’ Malta għandu s-sede uffiċjali tiegħu li hi ħaġa li fiha nnifisha tkabbar il-preġju ta’ din il-binja. 

Fit-totalità tiegħu, il-proġett tar-restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru se jsir b’investiment ta’ aktar minn €40 miljun iffinanzjat mill-Gvern Malti u bi 18-il miljun minnhom b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. 

Qabel ma beda l-proġett ta’ restawr, il-Palazz tal-Gran Mastru kien l-aktar sit tal-aġenzija Heritage Malta li jżuruh nies, b’madwar 250,000 viżitatur kull sena, iżda issa b’esperjenza lill-viżitaturi differenti għalkollox aħjar, huwa mistenni li jilqa’ aktar nies fis-snin li ġejjin.  

Dan il-palazz jaf il-bidu tiegħu fis-snin sittin tas-seklu sittax, bħala d-dar u l-uffiċċju tal-Gran Mastru, li naturalment tah ismu. Dawn kienu snin kruċjali; meta l-memorja ta’ ’l fuq minn 200 bastiment Tork fuq ix-xefaq kienet għadha friska wisq biex ma xxoqqx l-għaraq fuq xbin kull min jiftakarha, u l-Ordni, li sa dan iż-żmien kienet ħadet suritha fuq gżiritna, ħalfet li attakk bħal dan ma jerġax ikun.  

Kien għalhekk li l-bini ta’ kwartieri denji fil-belt il-ġdida msemmija għall-Gran Mastru li mexxa dan il-kapitlu missielet, kien meħtieġ. Minn hawn ittieħdu d-deċiżjonijiet li minnhom issoktat tissawwar il-ġrajja ta’ ġensna, qalb il-paġġi għaddejjin b’ħidmiethom, il-qaddejja jbaħbħu l-art taċ-ċangatura, irwejjaħ ta’ ikel bnin itektek fil-kċina, ix-xwabel u l-korazzi għal-lest fl-armerija, iż-żahar tal-larinġ ifewwaħ fil-ġnejna u għasafar ta’ kull lewn jgħannu l-bidu ta’ jum ġdid fl-uċċelliera. 

Bħallikieku kien tila ta’ artist, mal-milja tas-snin, il-Palazz ħa lwienu u żviluppa, biex għaxxaq għajnejn u qeda l-bżonnijiet ta’ kull min okkupah. Miż-żerniq tiegħu bħala dar imdaqqsa, sal-bidu tas-seklu 17 kien diġà kiber għal palazz b’għadd ta’ żidiet u bidliet, inkluż il-binja ta’ torri, stalel u armerija. 

Fost ix-xogħlijiet ewlenin li saru nsibu propju r-riċerka storika fil-fond u x-xogħol strutturali estensiv fl-Armerija, li tista’ tgħid kienet l-ewwel mużew miftuħ f’Malta għall-pubbliku sa mill-1860. L-armerija ttieħdet lura fejn kienet oriġinarjament sa mill-1605, fis-sala fejn għal bosta snin kien jiltaqa’ l-Parlament. 

Iżda żgur mhux forsi li l-aktar post fejn is-saffi ta’ ġrajjet din il-binja ħarġu b’mod ċar kien fil-ħitan tal-kurituri ikoniċi tal-Piano Nobile u l-Uċċelliera, fejn b’reqqa liema bħalha f’xi bnadi konservaturi kixfu xejn inqas minn 16-il saff ta’ żebgħa.  

Min jaf kemm rajna ritratti u filmati ta’ dawn il-kurituri, mgħassin minn stakkament kavallieri, iżda forsi qatt ma flejna bir-reqqa l-ġmiel tal-pitturi tas-suffetti li ħallielna b’wirt l-artist Niccolò Nasoni, jew l-art tal-irħam interzjat denja tal-isbaħ katidral. Bl-għajnuna tat-teknoloġija ta’ 3D laser scanning, ġiet mifhuma aħjar il-kundizzjoni ta’ dak li nstab, u saret ħidma biex reġgħet ingħatat ħajja ġdida lil dawn il-ġawhar.  

Ta’ protagonist ħaj li hu, il-Palazz ma naqasx milli jissorprendi anke lill-aktar nies mgħarrfa f’dan il-proġett. Fost dawn is-sorpriżi nsibu l-armi araldiċi u l-fjamingu minn żmien il-Gran Mastru Cotoner, mikxufa taħt partijiet mill-ħitan tal-kuritur, u anke sitt lunetti ġodda li kienu ġew mgħottija b’żebgħa f’sekli wara l-Ordni. 

U la semmejna l-fjamingu; fl-Uċċelliera, is-sala fejn il-Gran Mastri kienu jżommu għasafar eżotiċi u li fis-snin iżjed riċenti kienet isservi bħala l-Uffiċċju tal-Ispeaker, twaqqgħu l-ħitan u s-soqfa żejda biex issa reġa’ ġie ffurmat l-ispazju oriġinali; ittella’ f’postu s-suffett originali ta’ Nasoni wara li kien tneħħa fit-Tieni Gwerra Dinjija; u ġew restawrati l-ħitan biex issa saret sala ddedikata lir-Repubblika ta’ Malta. 

Fl-inħawi magħrufa bħala l-Palazzo del Monte, l-eqdem parti tal-Palazz, u l-Orangerie, li sa qabel beda dan il-proġett kienu jservu bħala l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u fejn fil-passat kien hemm ġnejna tal-larinġ, tlesta wkoll ċentru tal-viżitaturi b’servizzi xieraq għall-mijiet ta’ eluf ta’ viżitaturi li mistennija jżuru dan is-sit.  

Ġew restawrati wkoll il-btieħi bejn dawn il-binjiet, dik li kienet tifforma parti mill-Palazzo del Monte u dik aħjar magħrufa bhala l-Prince Alfred Coutryard. L-Orangerie nnfisha; maħluqa fis-seklu 17 biex tipprovdi d-dell fis-sajf u sservi bħala serra għax-xtieli u s-siġar tal-frott matul ix-Xitwa, ukoll ġiet rinnovata u fost oħrajn se tkun qed isservi sabiex tagħti aċċess lill-persuni b’diżabilità għall-Armerija.  

Tajjeb ngħidu li hawnekk instabu wkoll fdalijiet ta’ nymphaeum li bħalissa qed jiġi skavat u li l-pubbliku se jkun jista’ jara, filwaqt li jgawdi wkoll xi skulturi li kienu jżejnuh. Għax il-verità hi li f’Palazz bħal dan, qatt ma tista’ tgħid li inti lest! Dejjem tiskopri, u dejjem tesebixxi dak li tkun għadek kif skoprejt! U hekk se nibqgħu nagħmlu!   

Il-Palazz se jkun miftuħ kuljum, inkluż il-Ħadd bejn id-09:00 u l-17:00. Irrid infakkar li d-dħul f’dan il-Palazz hu b’xejn għal ħafna u ħafna Maltin u Għawdxin: dawk li għandhom il-passaport tat-tfal u żewġ adulti li jakkumpanjawhom, dawk li għandhom il-passaport tal-anzjani, dawk li huma studenti u dawk li huma membri ta’ Heritage Malta.   

Għal aktar tagħrif tista’ żżur hawnhekk: https://heritagemalta.mt/explore/grand-masters-palace/

Aħna se nibqgħu determinati li nsaħħu l-kultura u l-patrimonju storiku għal livelli li qatt ma rajniehom qabel f’pajjiżna! 

More in Politika