Fejn hemm l-għaqda, hemm is-saħħa

Għandna quddiemna snin ta’ deċiżjonijiet kbar għall-Unjoni Ewropea, deċiżjonijiet li potenzjalment se jkomplu jiżviluppaw l-integrazzjoni Ewropea u li għaldaqstant se jkun hemm ħtieġa ta’ rappreżentanti li verament għandhom għal qalbhom l-aqwa interess tal-pajjiż

"qed nerġa’ noffri l-kandidatura tiegħi għaliex lest li nibqa’ nkun vuċi taż-żgħir, tal-ħaddiema, tal-minoritajiet fis-soċjetà tagħna, u tal-konsumaturi"

 

Ħames snin fil-Parlament Ewropew għaddew bħal leħħa ta’ berqa. L-ammont kbir ta’ esperjenzi u ħidma ma taqta’ xejn melew din il-leġiżlatura, u melewni b’ħafna responsabbiltà li n-nies fl-aħħar mill-aħħar fdatni biha. Nista’ ngħid li f’kull ċirkustanza, kien ta’ unur u privileġġ kbir għalija li nservi lill-Maltin u lilll-Għawdxin li ta’ kuljum bqajt inżomm kuntatt magħhom u bqajt inwassal il-weġgħat tagħhom, kif ukoll liċ-ċittadini Ewropej b’mod ġenerali. Wettaqt u qed inwettaq ħidma f’setturi varji, u f’kull ċans li kelli dejjem rajt li l-interessi ta’ pajjiżna jiġu l-ewwel u qabel kollox.  

Issib min jgħidlek li l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mhux importanti jew li huwa irrelevanti min jitla’ jirrappreżentana fi Brussell. Ir-risposta tiegħi tkun biex wieħed iħares lejn din l-aħħar leġiżlatura biex jifhem l-importanza tal-għażla li qed niġu fdati biha. Sempliċi eżerċizzju fejn wieħed iqabbel il-ħidma u l-prinċipji tad-delegazzjoni Laburista ma’ dik tal-Membri tal-Partit Nazzjonalista, jista’ jifhem min ħadem għall-ġid tal-pajjiż u min verament wassal il-vuċi tan-nies, u allura kien rappreżentant denju. 

Għalhekk qed nerġa’ noffri l-kandidatura tiegħi għaliex lest li nibqa’ nkun vuċi taż-żgħir, tal-ħaddiema, tal-minoritajiet fis-soċjetà tagħna, u tal-konsumaturi. Lest li nibqa’ nkun vuċi b’saħħitha anke għall-bdiewa u r-raħħala tagħna, u għad-dilettanti tal-kaċċa u l-insib f’pajjiżna. Dejjem u qabel kollox, lest li nibqa’ nservi ta’ vuċi b’saħħitha biex ngħolli ’l fuq isem pajjiżi f’kull ħaġa li nagħmel.  

Din id-differenza minn dak li għamlu l-Membri tal-Partit Nazzjonalista, fejn f’kull ċans li kellhom qed jibqgħu sal-aħħar jipprovaw jagħtu l-gambetti lill-Gvern u jaħdmu kontra pajjiżna. Nistħi meta jiġu kollegi barranin jikkummentaw fuq l-aġir ta’ Metsola u Casa li bħal donnhom jagħmlu minn kollox biex ikażbru lil pajjiżna minflok jaraw kif isaħħu l-pożizzjoni tagħna fl-Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-kollegi barranin dan hu fenomenu, għaliex ma tara lil ħadd, bl-aktar mod sfaċċat u organizzat jaħdem b’mod attiv kontra pajjiżu, bħal donnu hija l-missjoni ewlenija ta’ ħajtu. 

Hija ħasra kbira li Metsola, l-ewwel Maltija li qatt kellha opportunità tkun f’pożizzjoni għolja fl-Istituzzjonijiet Ewropej, minflok użat din il-kariga biex tgħolli isem pajjiżna, ħadmet kemm felħet fil-kurituri tal-Parlament biex timmanuvra u tikkonfoffa ma’ kollegi tagħha barranin biex jipprovaw ikissru lil pajjiżna. Naturalment, Casa kien minn ta’ quddiem ukoll biex ixewwex u jaħmi reżoluzzjoni waħda wara l-oħra kontra Malta. Jogħxew jitimgħu l-valenu lil sħabhom, u jisimgħuhom jgħajru lil pajjiżna apertament f’kull ċans li jkollhom. 

Għalhekk hija deċiżjoni importanti ħafna dik li se jkollna quddiemna f’Ġunju li ġej. L-imħabba lejn pajjiżna nuruha fis-siegħa tal-prova, mhux bil-paroli. L-isfidi kbar li affaċċjajna bħala pajjiż komplew ikabbru fija s-sens ta’ dover biex naħdem iktar għall-ġid, biex nara lil pajjiżi jikber u jimxi ’l quddiem. Aktar minn qatt qabel huwa kruċjali li fil-leġiżlatura li jmiss jerġa’ jkollna tim b’saħħtu li jirrappreżentana fil-Parlament Ewropew.  

Għandna quddiemna snin ta’ deċiżjonijiet kbar għall-Unjoni Ewropea, deċiżjonijiet li potenzjalment se jkomplu jiżviluppaw l-integrazzjoni Ewropea u li għaldaqstant se jkun hemm ħtieġa ta’ rappreżentanti li verament għandhom għal qalbhom l-aqwa interess tal-pajjiż, għaliex ċertament li biex ikollna l-aqwa riżultati u nagħmlu suċċess mis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, l-ewwel u qabel xejn irridu naqblu fuq l-aktar prinċipju bażiku – li rridu l-ġid għall-Maltin u l-Għawdxin, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ilu snin juri li mhux qiegħda fuq l-aġenda tiegħu. Dan jista’ joffrih biss it-tim b’saħħtu ta’ kandidati f’isem il-Partit Laburista, tim li bil-provi jixhed l-għaqda li teżisti bejnietna, u li kostantament inkunu ta’ eżempju għall-oħrajn, għaliex nemmnu li fejn hemm l-għaqda, hemm is-saħħa. 

More in Politika