Naomi Cachia | Xi rridu mill-Parlament Malti?
Spiss insaqsi lili nnifsi: Jien xi rrid mis-sistema Parlamentari tagħna? Fil-verità, il-mistoqsija pertinenti hija: xi jrid il-poplu mis-sistema parlamentari?
Matul dan l-aħħar xahar ħadet andament differenti l-ħidma Parlamentari tiegħi, u fl-istess waqt kelli ċ-ċans li nifhem iżjed numru ta’ perċezzjonijiet marbuta max-xogħol li jkun għaddej fil-Kamra tad-Deputati.
Min jaf kemm-il darba ġejt mistoqsija x’inhu l-irwol tal-Whip. Bir-raġun, sa ċertu punt, għax il-parti l-kbira tax-xogħol li jiġi ma’ dan l-irwol isir minn wara l-kwinti. Madanakollu huwa pedina kruċjali għall-funzjoni effettiva tal-ħidma fil-Parlament, għaż-żewġ naħat tal-kamra, u l-whip tal-Gvern huwa wkoll mezz importanti bejn il-Parlament u l-Gvern tal-ġurnata billi jara li l-aġenda parlamentari tirrifletti l-prijoritajiet attwali tal-Gvern.
Jekk wieħed jagħmel ftit riċerka fuq l-irwol tal-Whip fis-sistema Parlamentari Ingliża, jifhem sew kemm l-irwol huwa ankrat fis-sens ta’ dixxiplina meta jivvutaw. F’pajjiżna wkoll, hemm sens ta’ stabbiltà politika li jorbot mal-prevedibbilità tal-voti fil-Parlament, u l-istorja mhux daqstant ’il bogħod tfakkarna fil-konsegwenzi f’każijiet fejn il-Gvern ma jkollux maġġoranza b’saħħitha u jkun hemm każ ta’ ribelljoni minn imqar wieħed mid-deputati, li jiddipartixxi minn dan is-sens ta’ dixxiplina u responsabbiltà kollettiva.
Però d-dixxiplina timmanifesta ruħha mhux biss fil-mod kif id-deputati jivvutaw, imma anke f’sens iżjed wiesgħa fil-kontribut tagħhom lejn il-ħidma Parlamentari. L-irwol tal-Whip maż-żmien baqa’ jevolvi u nemmen li jrid ikun ukoll figura li jifhem sew lid-deputati fi ħdan il-Grupp Parlamentari, u jkun jista’ juża l-abbiltajiet u l-potenzjal tagħhom fl-aqwa mod possibbli.
Maż-żmien segwejt bosta opinjonijiet dwar x’għandha tkun, jew ma tkunx, is-sistema Parlamentari. Xi ħaġa li żgur taffaxxinani li hi f’pajjiż fejn il-politika tingħata tant importanza, il-ħidma fi ħdan il-Parlament għadha mhix magħrufa biżżejjed, għajr għal xi seduta Parlamentari li tkun taħraq u kkaratterizzata minn atteġġjament li ma jagħmilx ġieħ lill-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.
Spiss insaqsi lili nnifsi: Jien xi rrid mis-sistema Parlamentari tagħna?
Fil-verità, il-mistoqsija pertinenti hija: xi jrid il-poplu mis-sistema parlamentari? Min-nies li eleġġew biex jirrappreżentawhom u jkunu l-vuċi tagħhom?
Jien nixtieq nara Parlament ħaj u vibranti, li jirrifletti l-importanza tax-xogħol li jkun hemm għaddej fil-binja notevoli li tospita din l-istituzzjoni, fejn isiru l-bidliet leġiżlattivi li jieħdu lil pajjiżna ’l quddiem, ir-riformi kbar li jiddefinixxu d-direzzjoni li jkun irid jieħu l-gvern tal-ġurnata – li ma tkunx possibbli mingħajr parlament b’saħħtu u li jiffunzjona kif suppost.
M’hemm l-ebda dubju li hemm bosta bidliet fis-sistema parlamentari u anke dik elettorali, li għandhom jiġu diskussi, u dan jibdew minn proċeduri parlamentari li jirregolaw il-ħidma immedjata tad-deputati, sa possibbilment riformi iżjed wiesgħa.
Mal-milja taż-żmien irridu nibqgħu naraw li l-proċeduri parlamentari jibqgħu jiġu aġġornati. Bħalma biddilna l-ħinijiet parlamentari biex ikunu iżjed ta’ wens u iżjed family-friendly, u bħalma ġie deċiż li s-seduti parlamentari jibdew jixxandru fuq it-televiżjoni u online – u ħafna bidliet importanti oħra li saru maż-żmien.
Il-Parlament Malta se jibqa’ jevolvi maż-żmien: M’ilux wisq li dan il-pajjiż kien għadu qed jitkellem fuq l-importanza li jkollna parlament awtonomu minn aspett amministrattiv. Issa rridu nkomplu nagħmlu l-bidliet meħtieġa skont ir-realtajiet tal-ġurnata.
Nammetti iżda, li kurjuża ħafna biex nibqa’ nisma’ u nitgħallem xi jrid il-votant mir-rappreżentant tiegħu fil-Parlament. Forsi l-iżjed konsiderazzjoni ovvja hi rappreżentanza effettiva u denja, imma bl-importanza dejjem tikber tal-media soċjali, wieħed jista’ jinnota li ħafna deputati iżjed jużaw dawn il-mezzi biex jagħmlu l-punt tagħhom, milli waqt id-diskorsi Parlamentari. Il-votant attwalment jinteressah mill-kontribut tad-deputat fil-Parlament, permezz ta’ diskorsi, mistoqsijiet Parlamentari, u kontribut fil-kumitati? Naħseb li din il-mistoqsija tista’ tiddetermina xi triq se nieħdu meta nikkunsidraw il-bidliet li nistgħu nagħmlu fiż-żmien li ġej.
Neħtieġu diskussjoni nazzjonali matura u olistika li tittratta t-temi li darba kultant jissemmew u mbagħad jintefgħu taħt it-tapit: il-kobor tal-Parlament, id-distretti elettorali, is-sistema elettorali nnifisha, il-kunċett ta’ deputati full-time, u l-privileġġ parlamentari, fost oħrajn.
Naturalment, kwalunkwe dibattitu jrid isir b’sens ta’ maturità u fl-interess nazzjonali. Forsi jekk xi darba nissuperaw il-politika partiġġjana f’dibattiti ta’ ċerta portata, u nkunu nistgħu niddiskutu ħwejjeġ li mhux faċli naqblu dwarhom imma b’sens ta’ mħabba lejn pajjiżna u responsabbiltà lejn dawk li ġejjin warajna, forsi d-diskussjoni dwar is-sistema Parlamentari tkun tista’ sseħħ b’mod naturali u iżjed nies ikunu jridu jsegwu l-ħidma sfiqa li qed issir. Sadanittant, se nibqgħu għaddejjin nattwaw il-programm leġiżlattiv li għandna quddiemna, bl-iskossi u sfidi kollha li tista’ ġġib magħha l-leġiżlatura.