Michael Piccinino | Xandir pubbliku li jiksirlek id-dritt li tisma’
Meta l-PBS bħalma jagħmel, jaddotta linja editorjali li jwassal il-messaġġ tal-PL u jiċċensura l-messaġġ ta’ kull min ikun qed jagħmel kwalunkwe kritika lejn il-Gvern, dan ma jibqax xandir pubbliku u nazzjonali imma jsir Super One 2
Meta nitkellmu fuq il-libertà tal-esperessjoni, ħafna jifhmu li qed nitkellmu fuq dritt li ngħidu dak li rridu. Ħafna drabi dan is-suġġett jiġi diskuss fil-ħajja pubblika bħala dritt tal-ġurnalisti li jgħidu u jiktbu dak li jridu u li jkunu ħielsa mill-indħil fl-investigazzjonijiet li jagħmlu.
Ta’ spiss ikun hawn diskors rigward il-libertà tal-espressjoni fl-ambitu ta’ dak li nqisu bħala ċensura mill-PBS meta tkun qed tiċċensura l-messaġġ tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista u dawk li ma jkunux qegħdin jaqblu mal-messaġġ li jkun qed iwassal il-Gvern ta’ Robert Abela.
Però, il-libertà tal-espressjoni għandha angolu ieħor importanti, jekk mhux aktar minn dak kollu li semmejt s’issa.
Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tiddefinixxi l-libertà tal-espressjoni bħala li “kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà li jkollu opinjonijiet u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat.”
Hekk hu, il-Konvenzjoni Ewropea ma titkellimx biss fuq id-dritt li int ikollok ideat jew opinjonijiet li tagħtihom lill-oħrajn, imma titkellem ukoll fuq id-dritt tiegħek li tirċievi l-informazzjoni u l-ideat.
Għalhekk meta dak li suppost huwa x-xandir pubbliku jiċċensura lil dawk li jkunu qegħdin jikkritikaw lill-Gvern, ma jkunx biss qiegħed jikser id-dritt ta’ dawk li jkunu qegħdin jagħmlu l-kritika, imma jkun qiegħed jikser id-drittijiet fundamentali tiegħek, li int tara l-aħbarijiet, u li minħabba fl-aġir tat-tmexxija tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS ma jkollokx l-opportunità li tara, tisma’ u tevalwa dik l-informazzjoni u dik l-aħbar li jkunu iċċensuraw.
Ikun hemm min jgħidlek “imma l-PBS għandu l-libertà editorjali ta’ kif iwassal il-messaġġ” jew ikun hemm min jgħid ukoll “imma għandek l-għażla x’tisma’ u tara, jekk ma jogħġbokx tista’ taqliblu u tara n-Net jew xi stazzjon ieħor”.
Ħa nindirizza dawn iż-żewġ punti f’daqqa. Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-PBS mhuwiex xandir normali, imma huwa x-xandir nazzjonali, ix-xandir tal-poplu. Irridu niftakru li l-Gvern ta’ kull sena jagħti mill-Baġit Nazzjonali iktar min €6,000,000 lill-PBS mit-taxxi tan-nies biex il-PBS ikun jista’ jopera u jwassal l-aħbarijiet u l-informazzjoni lill-poplu.
Għalhekk filwaqt li veru hemm ċerta libertà editorjali li bħal kull xandar għandu l-PBS, din l-istess libertà ma tistax titkejjel bl-istess mod li titkejjel il-libertà editorjali li għandhom stazzjonijiet oħrajn għaliex filwaqt li stazzjon privat huwa leali lejn sid l-istazzjon, u naturalment il-linja editorjali tiegħu hija leali lejn sid l-istazzjon, fil-każ tal-PBS, sid dan l-istazzjon huwa l-poplu u allura l-lealtà tal-istazzjon għandha tkun lejn il-poplu.
Filwaqt li jekk wieħed jara n-Net Television, jippretendi li se jkun qed jara l-vuċi ta’ sid l-istazzjon, li huwa l-Partit Nazzjonalista u l-istess fil-każ ta’ One Television, wieħed jippretendi li jara linja editorjali favur sid dak l-istazzjon, il-Partit Laburista, fil-każ tal-PBS wieħed jippretendi li l-linja editorjali li jaddotta tkun waħda li tagħti l-istampa u l-fatti kollha bla ma jħares lejn wiċċ ħadd.
Meta l-PBS bħalma jagħmel, jaddotta linja editorjali li jwassal il-messaġġ tal-Partit Laburista u jiċċensura l-messaġġ ta’ kull min ikun qed jagħmel kwalunkwe kritika lejn il-Gvern, dan ma jibqax xandir pubbliku u nazzjonali imma jsir Super One 2.
Għalhekk, meta s-sena l-oħra l-PBS tilef kawża kontra l-Partit Nazzjonalista u nstab ħati mill-Qorti li kiser id-drittijiet fundamentali tal-Partit Nazzjonalista, ma kienx kiser biss id-drittijiet fundamentali tal-PN, imma kien kiser id-drittijiet fundamentali tiegħi, tiegħek u ta’ kull wieħed u waħda minna li nħallsu t-taxxi u għandna dritt li nirċievu u nisimgħu l-informazzjoni kollha hekk kif titlob il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Għalhekk il-ġlieda favur xandir pubbliku ħieles m’għandhiex tkun biss ġlieda tal-Partit Nazzjonalista imma għandha tkun ġlieda ta’ kull wieħed u waħda minna.