Editorjal | Ngħiduha kif inhi
Stramba li ħadd mhu qed jgħid li l-problema ewlenija u kbira hi li l-industrija tal-kostruzzjoni splodiet u saret mostru kbir
Li ngħiduha kif inhi hi importanti. Minn din il-gazzetta ħa nippruvaw nolqtu xi punti li seħħew din il-ġimgħa.
-
Nistqarru li kienet stramba għall-aħħar it-talba tal-Prim Ministru Robert Abela li jinsisti li min issemma fir-rapport dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia jirriżenja u tahom sal-4:30pm biex jagħmlu hekk. Li kellhom jirriżenjaw tajba imma għandu jkun hemm ukoll responsabbiltà politika. Ta’ min isemmi wkoll li ħafna minn dawk in-nies li rriżenjaw stqarrew li filwaqt li japprezzaw ir-responsabbiltà amministrattiva, huma qatt ma kienu involuti direttament fil-proġett innifsu li bħalu kien hemm mijiet.
-
Stramba li ħadd mhu qed jgħid li l-problema ewlenija u kbira hi li l-industrija tal-kostruzzjoni splodiet u saret mostru kbir. U li l-kontrolli ta’ kull proġett huwa umanament impossibbli.
-
Stramba wkoll it-talba tal-PN biex jirriżenjaw il-Ministri u l-Prim Ministru meta din il-problema hija sintomu ta’ inkompetenza fuq medda ta’ snin. U agħar meta tikkunsidra li ħafna mir-riformi li kellhom jiġu implimentati taħt amministrazzjonijiet diversi ma sarux.
-
Mhux ċara r-raġuni li l-Jobs Plus tneħħa minn taħt Clyde Caruana – għajr li tikxef il-qasma li hemm bejn iż-żewġ politiċi.
-
Dan żgur jista’ jiġi kkonfermat mill-Eks Imħallef Joe Zammit Mckeon stess tal-kummissjoni dwar Jean Paul Sofia li inċidentalment kien hu fis-snin elfejn l-ewwel chairman tal-kummissjoni għas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
-
Li jrid jingħad li l-Ministru responsabbli mix-xogħol pubbliku Stefan Zrinzo Azzopardi kien nieda numru ta’ riformi konsiderevoli f’dan il-qasam.
-
Li l-ħatra ta’ Robert Xuereb, kirurgu tal-qalb, biex imexxi l-FMS hija kurjuża u stramba. Kif jista’ jkun li kirurgu li jibqa’ jopera l-klinika privata sa kmieni filgħodu, jimmaniġġja entità bħall-FMS? Jew waħda jew l-oħra.
-
L-għażla ta’ kandidati bimbi għall-Kunsilli Lokali qed tiġi użata ħażin mill-PN u l-PL. M’aħniex impressjonati li jkollok tfal immaturi, adolexxenti u immaturi ta’ 16-il sena, kunsilliera. Li persuni ta’ 16 jivvutaw mod, li jkunu involuti fit-tmexxija ta’ Kunsill storja differenti.