Chris Bonett| Il-Progress ġab sfidi u aspettattivi ġodda
Fuq l-ambitu ta’ infrastruttura jeħtieġ li nżommu l-istess pass fil-ħidma li qed issir bħalissa
Il-progress li ilu jagħmel pajjiżna dawn l-aħħar 10 snin hu wieħed li ħadd ma jista’ jinnegah. Il-qgħad hu xi ħaġa tal-passat, il-faqar materjali naqas bin-nofs, saħħaħna s-servizzi soċjali, għamilna passi ta’ ġgant fejn tidħol l-emanċipazzjoni tan-nisa billi għandna ħafna iktar nisa fil-post tax-xogħol, fost il-lista aktar twila ta’ kisbiet li nista’ nibqa’ nsemmi.
Dan kollu sar, parzjalment, ħabba t-tisħiħ tal-mutur ekonomiku ta’ pajjiżna li tajnieh nifs ġdid bil-viżjoni moderna li bdejna nimplimentaw wara snin ta’ staġnar kemm fuq livell ekonomiku, kif ukoll fuq livell soċjali. Madankollu, il-progress iġib miegħu sfidi ġodda li bħala gvern irridu nindirizzaw. Il-piż fuq l-infrastruttura tagħna hu ikbar illum minn kif kien qabel. Aktar nies qed joħorġu jaħdmu u jużaw it-toroq, filwaqt li ma nistgħux ninsew l-impatt ambjentali li iktar attività ġġib magħha.
Fl-istess nifs, il-progress iġib aspettattivi ġodda mill-poplu nnifsu. Meta kont iżgħar niftakar li l-karba fost iż-żgħażagħ kienet biex il-Gvern Malti jinvesti fl-ekonomija biex ikunu jistgħu jsibu xogħol, filwaqt li dawk tal-lum qed jitolbuna ninvestu fl-ispazji miftuħa. Fejn qabel dak li jkun kien ibati biex jixtri karozza u kellna gvern li kien jiftaħar kemm inxtraw vetturi ġodda fis-sena, illum din saret norma u l-poplu qed jitlob minna li ninvestu fit-trasport pubbliku għax l-aspettazzjoni tiegħu nbidlet. L-istatus quo ta’ staġnar tal-passat, dan il-gvern mhux talli ħariġna minnu, imma tant kemm avvanzajna li drajna fi standards ogħla u sirna nqisu l-preżent bħala benchmark.
Għalhekk, kemm biex nindirizzaw l-isfidi l-ġodda, u anka biex nilħqu l-aspettattivi moderni tal-poplu Malti, importanti li nżommu saqajna mal-art u nkomplu nġeddu l-viżjoni li għandna għal pajjiżna. Fuq l-ambitu ta’ infrastruttura jeħtieġ li nżommu l-istess pass fil-ħidma li qed issir bħalissa. Filwaqt li qabel, Gvern Nazzjonalista kien jagħmel 200 triq f’leġiżlatura, dawn illum qed isiru f’sena waħda. Toħroġ biċ-ċar ir-rieda tagħna li ntejbu t-toroq li tuża int u nsaħħu l-infrastruttura biex tilqa’ għad-domanda ta’ pajjiż modern u ekonomikament b’saħħtu.
Minkejja dan, nemmen li hemm lok għal iktar koordinazzjoni bejn l-entitajiet tagħna biex ix-xogħol isir b’mod iktar ikkordinat u b’mod effiċjenti sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent tar-residenti. L-istess inkonvenjent nistgħu nnaqqsuh b’aktar komunikazzjoni maċ-ċittadini billi ninfurmawhom b’liema xogħol qed isir, u kemm se jdum għaddej. Dan kommess li nagħmluh kemm jista’ jkun b'mod regolari fejn possibbli u nemmen li l-ewwel ftit xhur ta’ ħidma f’dan id-dekasteru wriet kemm dan l-aspett qed intuh prijorità. Il-mod kif ikkomunikajna magħkom ix-xogħol li sar fil-Pjazza ta' Raħal Ġdid u l-pjanijiet tagħna bil-proġetti infrastrutturali li se jibdew daqt se jkunu l-istandard il-ġdid li bih nistenna li noperaw.
Il-proġetti infrastrutturali li ġejjin, bħal taċ-Ċirkewwa, se naraw li jħallu impatt minimu fuq l-ambjent u naraw kif nistgħu ninkorporaw modi oħra ta’ transport alternattiv fihom biex nagħtu iktar lok għall-mobilità sostenibbli. Pajjiż modern, jeħtieġ mobilità urbana iktar ħadra minn dik preżenti, li tinkorpora l-użu ta’ transport alternattiv b’mod aħjar mir-realtà ta’ issa.
Il-gvern dan jafu u diġà bdejna nuru li l-intenzjoni tagħna hi li nqarbu ċ-ċittadin lejn dawn il-modi ta’ transport. Is-sena l-oħra t-trasport pubbliku b’xejn sarraf fi 30 miljun vjaġġ iktar meta kkumparat mis-sena ta’ qabel. Dawk ifissru 30 miljun vjaġġ li setgħu saru bil-karozzi. Dan l-inċentiv estendejnieh ukoll għal min jagħmel użu mill-ferry bejn il-portijiet. Minkejja l-fatt li kulma ilu xahar fis-seħħ, u n-nies li faċilment jistgħu jagħmlu użu minnu għadhom iridu jidrawh, il-passiġġiera fix-xahar ta’ Frar kważi rduppjaw meta kkumparat mas-sena ta’ qabel. Nilqa’ dawn il-figuri b’ħafna sodisfazzjon, mhux biss għax ir-riżultati juru li l-inċentivi tal-gvern qed jaħdmu u għandhom lok fejn jitjiebu, imma għax qed innaqqsu ftit ftit mill-karozzi fit-traffiku tagħna li jniġġsu l-arja ta’ madwarna.
Ix-xogħol però jrid ikompli għaddej u kif tkellimt fil-parlament din il-ġimgħa, hemm ħafna xi nwettqu. Il-futur ta’ pajjiżna qiegħed wara l-kantuniera, u rridu nkunu preparati għalih. Dan il-gvern, fortunatament, ma ħakmux il-virus tal-passività, u lest li jkompli jaħdem għalik biex flimkien nilħqu l-potenzjal li naf li għandha Malta.