Editorjal | Il-President
L-għażla ta’ Miriam Spiteri Debono hija deċiżjoni bbażata fuq l-intenzjoni politika u ċara tal-Gvern ta’ Robert Abela li jagħżel persuna femminili li hi xellugija u progressiva
L-għażla ta’ President matul is-snin, ħafna drabi kienet imnebbħa minn raġunijiet diversi.
Fuq medda ta’ snin kien hemm ħafna għażliet li kienu xprunati minn motivazzjonijiet intelliġenti u oħrajn ferm anqas idonei u xejn altruwisti.
Kien hemm għażliet li kienu bbażati fuq mertu, oħrajn fuq gwadann politiku, egoiżmu, u oħrajn sempliċement ta’ konvenjenza politika. B’konvenjenza politika rridu nfissru li d-deċiżjoni kienet purament ibbażata fuq vantaġġ politiku limitat.
Kien hemm minn ġie maħtur għax kien jaqbel li ma jibqax fil-partit li jkun, jew inkella għax il-kariga kienet titqies bħala rigal.
Ma tridx tkun storiku biex tara f’liema kategoriji kien jaqgħu dawn il-Presidenti: Anthony Mamo, Anton Buttigieg, Agatha Barbara, Censu Tabone, Guido Demarco, Eddie Fenech Adami, Ugo Mifsud Bonnici, George Abela, Marie Louise Coleiro Preca u George Vella.
Ħarsa lejn dawn l-ismijiet tippreżentalna storja għaliha; mill-għażla ta’ Fenech Adami, għażla ħażina għall-aħħar, sal-għażla ta’ Coleiro Preca, meta din kienet għadha politiku rilevanti fil-Partit Laburista, imma xellugija wisq għal Muscat. Sal-għażla ‘politika’ ta’ George Abela minn Lawrence Gonzi.
F’kull mument, il-President kellu b’xi mod jirrifletti l-qalb tal-Gvern tal-ġurnata. Ħafna drabi, bħalma kien il-każ ta’ Coleiro Preca u George Vella, kien hemm trikki trakki bejn il-Gvern u l-Presidenza.
Illum, l-għażla ta’ Miriam Spiteri Debono hija deċiżjoni bbażata fuq l-intenzjoni politika u ċara tal-Gvern ta’ Robert Abela li jagħżel persuna femminili li hi xellugija u progressiva. L-ewwel għażla ta’ Abela kienet Helena Dalli, imma din il-kandidatura kienet impossibbli – għax il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iddikjara li ma kienx se jaqbel li jiġi maħtur kandidat li kien xi darba serva ta’ ministru fil-Gvern ta’ Muscat.
Abela għalhekk ħareġ b’isem ieħor, li prima facie hu isem aħjar minn dik ta’ Dalli. Spiteri Debono ġejja mill-għeruq tal-Partit Laburista, m’għandhiex il-frilli ta’ kandidati oħra u hija miftuħa għar-riformi kuraġġużi, mhux bħalma kienu ż-żewġ presidenti ta’ qabel li wrew mumenti ta’ isteriżmu konservattiv.
L-aġenda ta’ Robert Abela hija ċara; irid iwettaq riformi kuraġġużi li jirrispekkjaw f’ġenerazzjoni li lesti jgħannqu dinja ġdida u differenti.
Miriam Spiteri Debono jeħtieġ u trid tkun ukoll aktar viċin in-nies. George Vella, minkejja li kien dinjituż u korrett, ma kienx viċin in-nies. Il-President trid tkun viċin in-nies iżda fl-istess waqt distanti minnhom ukoll; biex meta jkun hemm mumenti ibsin tkun tista’ tiddeċiedi fis-serenità u fl-għaqal.
Il-gazzetta ILLUM issellem il-President il-ġdid.