Ivan Bartolo | Nagħsa li m’għamlitx ġid
llum il-pensjonanti tagħna, minbarra l-għoli tal-ħajja, jaffaċċjaw ukoll mediċini out of stock, kirjiet għoljin, solitudni u esklużjoni soċjali, pensjonijiet inadegwati, ma jinqdewx mill-banek, iridu s-snin biex jinqdew għal xi operazzjoni, abbużi familjari, u ħafna aktar
Iddawwar l-istorja kif trid u kif jaqbillek. Sa minn dejjem tgħallimt ngħid dak li hu abjad, abjad, u dak li hu iswed, iswed. Għalhekk spiss jiġri li meta tieħu pożizzjoni fuq xi ħaġa, tispiċċa mibgħud. Xi wħud minħabba l-prinċipju twarrbu jew tkeċċew. Imma li jimliek b’kuraġġ hu li maż-żmien l-istorja tathom raġun, u filwaqt li r-raġuni rebħet, hemm stejjer fejn dawn il-bnedmin erġajna rajniehom lura fit-tmun. Imma fil-linja politika, hemm dawk li akkost ta’ kollox jibqgħu jġebbdu l-argument bħal chewing gum, kif fil-fatt qed jagħmlu esponenti tal-Gvern fir-rigward tar-riforma kuraġġuża li kien għamel Gvern Nazzjonalista fl-2006. Kemm fil-Parlament u anki waqt dibattitu politiku, kien hemm min qal li Gvern Nazzjonalista kien vendikattiv mal-pensjonanti tagħna. Dan minflok ma qalu li din ir-riforma saret biex l-anzjan, fl-aħħar fażi ta’ ħajtu, ikollu pensjoni diċenti, u mhux pensjoni tal-ġuħ kif wieħed kien se jkollu, li kieku l-Gvern Nazzjonalista ma ħax azzjoni.
Irrid hawn infakkar li l-Fond Monetarju Internazzjonali kien ilu jwissi lill-Awtoritajiet f’pajjiżna, li l-pensjonijiet mhux ser jibqgħu aktar sostenibbli. Meta l-liġi dwar din ir-riforma kienet qiegħda tiġi diskussa fl-2006, is-Shadow Minister ta’ dak iż-żmien Leo Brincat kien stqarr li, lura fl-1997, meta l-Partit Laburita kien qed imexxi l-Gvern ta’ 22 xahar taħt Alfred Sant, kienu huma stess li ħasbu biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata. Il-Partit Laburista sa minn dejjem kien konxju mill-ħtieġa ta’ din ir-riforma. Għalhekk iva, issewwed qalbek meta ġentlom u esponent fil-Labour, ikun lest li jibqa’ jgħawweġ il-fatti kif inhuma. Imbagħad ta’ min isemmi kliem il-Ministru tal-Finanzi taħt Alfred Sant li qal li jekk ma jsir xejn dwar il-pensjonijiet sal-2010, se jkollna kriżi fil-pensjoni. F’dawk iż-żminijiet kulħadd jaf kemm il-Partit Laburista fil-Gvern kien tilef ħafna mill-kredibilità tiegħu. M’iniex se nidħol fl-istorja, imma kulħadd jaf x’kien ġara fit-tneħħija tal-VAT u flokha daħlet is-CET, l-inkwiet mal-Perit Duminku Mintoff u li eventwalment spiċċa waqa’ l-Gvern. Allura ma ridux aktar inkwiet, għax ovvjament irid ikollok kuraġġ ta’ sur biex tidħol għal kwalunkwe riforma, speċjalment bħal din tal-pensjonijiet. Mhux biss, imma minħabba l-inkwiet li ġabu lil pajjiżna fih, kienu qed ixommu li riesqa elezzjoni bikrija u bla ma kienet pjanata. U għalhekk, l-idea tagħhom kienet li wieħed iqajjem din il-kwistjoni fl-2010, meta l-problema tkun faqqgħet, biex imbagħad tibda titwettaq fl-2011. Kienu qalu bl-iswed fuq l-abjad li din ir-riforma ma kinitx waħda urġenti.
Imma l-esponenti jibqgħu jgħidulna li Gvern Nazzjonalista kien inġust mal-pensjonanti tagħna. Qatt ma tismagħhom jagħtu rendikont ta’ x’sar minn Gvern Nazzjonalista f’dawk iż-żminijiet. Gvern Nazzjonalista ddedika perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ sentejn ma’ firxa mill-aktar wiesgħa ta’ 43 rappreżentant, fosthom għaqdiet taż-żgħażagħ li kienu tkellmu b’mod pożittiv dwar din ir-riforma għax fl-aħħar mill-aħħar kienu fehmu l-iskop tagħha; żgħażagħ li dak iż-żmien ma rawx sal-ponta ta’ mneħirhom.
Ma nistax ma nsemmix ukoll:
Li l-pensjoni żdiedet bil-COLA għal kull anzjan;
Għolla ż-żieda ta’ kull anzjan u anzjana biż-żieda tal-għoli tal-ħajja sħiħa, inkluż ta’ dawk li jirċievu pensjoni minima;
Nieda skemi li jinċentivaw lill-anzjani jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Fil-fatt, grazzi għal Gvern Nazzjonalista, illum hemm eluf ta’ anzjani li baqgħu jaħdmu wara l-età tal-pensjoni, mingħajr ma tilfu xejn mill-pensjoni tagħhom;
L-għotja ta’ €300 lill-anzjani li baqgħu jgħixu fi djarhom;
Meals on wheels;
Servizz ta’ helper;
Servizz ta’ handyman;
Skema tal-housing u rranġar ta’ kmamar tal-banju;
Skema tal-housing fuq stair lifts;
Djar tal-anzjani (ara f’dawn l-aħħar għaxar snin, ma nbniet l-ebda dar għall-anzjani! Għal kuntrarju, għalqu tnejn li kien hemm – suppost biex jimmodernizzahom).
Xejn ma jgħidulna minn dan kollu! Minflok, jgħidulna biss li aħna l-aqwa fid-dinja. Madankollu, kwalunkwe pajjiż li jkollu ekonomija b’saħħitha m’għandux ikollu problemi fis-sistema tal-benefiċċji soċjali. Minflok, tibqa’ tidwi l-istess diska u kantaliena li taħt il-PN, il-pensjonijiet ġew friżati. Fil-verità, l-unika żmien li l-pagi u l-pensjonijiet ġew friżati kien taħt il-Labour tal-1982 u l-1987.
Fl-aħħar programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista wrejna t-triq ’il quddiem dwar din l-anomalija. Mhux minħabba pressjoni biss, imma minħabba s-sitwazzjoni f’pajjiżna li talbet li bilfors kellu jsir xi ħaġa. Madankollu għaffġuha xorta waħda għax miż-żieda li ta, skont il-baġit hi madwar 10,000, meta pensjonanti tal-irtirar hemm 74,000. Għaliex ma ngħatatx lill-pensjonanti kollha? Ingħataw €9.47 flok €82 kif kien ħaqqhom. Biex jieħdu dak li ħaqqhom iridu jgħaddu s-snin sakemm allaħares qatt ma jispiċċawx f’kaxxa.
Illum il-pensjonanti tagħna, minbarra l-għoli tal-ħajja, jaffaċċjaw ukoll mediċini out of stock, kirjiet għoljin, solitudni u esklużjoni soċjali, pensjonijiet inadegwati, ma jinqdewx mill-banek, iridu s-snin biex jinqdew għal xi operazzjoni, abbużi familjari, u ħafna aktar. Fuq kollox, l-anzjani kapital iridu f’idejhom biex ikampaw ma’ dawn l-isfidi li semmejt.
U jibqgħu jkantaw il-mantra li l-pensjonijiet żdiedu għal disa’ budgets wara xulxin. Dawn huma l-istess miżuri, li fl-2017 raw 25% tal-anzjani fl-esklużjoni soċjali, (meta l-medja fl-Ewropa kienet ta’ 15%), u illum skont stħarriġ xjentifiku tal-NSO, qed jaraw 28%.
Jibqgħu jippruvaw jiskurjaw punti politiċi. Imma l-verità tikxifkom, bl-aħħar waħda tal-esponent ewlieni jgħid li “bir-rati demografiċi kurrenti, hemm bżonn nibdew nitkellmu dwar skemi privati ta’ pensjonijiet.” Mela d-dħul tal-kontribuzzjonijiet fejn qed immorru? Dan ifisser li bil-mudell ekonomiku taċ-cheap labour, il-messaġġ ewlieni hu li l-pensjonijiet mhumiex sostenibbli, jiġifieri dan qed jgħid li f’mument jew ieħor dawn se jieqfu.
Filwaqt li kull ħames snin issir analiżi dwar il-pensjonijiet, madankollu qatt ma ssemmiet din l-anomalija. Ħadu nagħsa twila wisq. Baqgħu mħawdin f’dar-rigward tal-pensjonijiet għax la jafu xi jridu u lanqas fejn sejrin. Nagħsa taf tagħmel il-ġid, imma mhux f’dan il-każ.