Editorjal | L-isfida tal-presidenti nisa
Li huwa ċar hu li l-profil tal-President Myriam Spiteri Debono jħallina b’togħma li ċerti riformi bżonjużi f’pajjiż modern mhux se jkunu mxekkla. Dan sinjal tajjeb
Hekk kif rajna lin-Nutar Miriam Spiteri Debono tinħatar President ta’ pajjiżna, it-tielet mara President, ħassejna nifs ġdid. Il-President George Vella, għalkemm kien dinjituż, ma kellux il-gravitas u lanqas ix-xewqa li jibgħat messaġġi ċari bħala President. Ma nafux jekk Spiteri Debono hux se tkun differenti. Ċertament hija iktar diretta.
Li huwa ċar hu li l-profil tagħha jħallina b’togħma li ċerti riformi bżonjużi f’pajjiż modern mhux se jkunu mxekkla. Dan sinjal tajjeb.
Jekk dan ma fehmu ħadd, fehmu l-Arcisqof ta’ Malta li wassal messaġġ ċar lill-President Spiteri Debono biex hija tirrispetta l-ħajja mill-bidu sal-aħħar, messaġġ ċar jew twissija ċara biex il-President ma tiftaħx il-bieb għall-abort – ħaġa li l-konservattiviżmu ta’ Vella kien waqqaf u oppona.
Spiteri Debono ġġib magħha wkoll ċerta nostalġija u rikonoxximent għal min ta ħajtu fil-politika fi żminijiet meta l-politika kienet tfisser aktar u fejn l-isfidi b’mod speċjali għan-nisa kienu akbar.
U minħabba x-xogħol tagħha fil-qasam politiku, sewwa fil-Partit Laburista, kif ukoll fil-Parlament, għandha apprezzament tajjeb ta’ kif jaħdmu l-affarijiet fuq il-livell tan-nies u l-livell tal-politiċi.
Min-naħa l-oħra hemm president oħra mara; mara li għandha rwol importanti u kruċjali. Qed nitkellmu fuq Roberta Metsola, President tal-Parlament Ewropew u membru parlamentari fil-Parlament Ewropew għall-PN.
Din ukoll waslet fejn waslet għax kienet kapaċi. Safrattant aktar ambizzjuża minn Spiteri Debono. U kieku ma kinitx għall-ambizzjoni politika u personali tagħha lanqas dubju ma għandna li kieku din mill-ewwel tiddeċiedi biex tirritorna Malta biex tmexxi partit politiku – il-Partit Nazzjonalista. U minkejja li nistgħu ma naqblux fuq il-politika tagħha, naqblu li s-sehem tagħha jkun wieħed siewi u bżonjuż f’xenarju fejn id-demokrazija jeħtieġ li jkollha alternanza ta’ spiss u fuq kollox id-diversità.
U wkoll fid-dawl tat-tmexxija dgħajfa u zoppa ta’ Bernard Grech, kap tal-PN, li iktar ma jgħaddi żmien iktar qed jiġi kkonfermat li daħal ġo sqaq li ma jistax joħroġ minnu.
Huwa għalhekk li meta aħna bħala pajjiż għandna l-fortuna li għandna żewġ personalitajiet femminili f’karigi importanti, nitolbu – f’sens metaforiku – li t-tnejn li huma jservu lil pajjiżna. U li aħna min-naħa tagħna nestendu r-rispett u l-appoġġ tagħna – bħala ġurnal indipendenti – u nagħtu leħen lil min m’għandux.