Editorjal | L-indipendenti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Huwa ċar li l-politika Maltija qed taffaċċja daqsxejn ta’ kriżi, nuqqas ta’ direzzjoni, ideoloġija ... dak li bl-Ingliż jiġi deskritt bħala ‘a sense of purpose’
Is-sehem kbir ta’ indipendenti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mhumiex indikazzjoni biss ta’ aktar parteċipazzjoni, imma taħlita ta’ individwi li daħlu għall-politika, kemm minħabba raġunijiet imnebbħa minn diversi ideat u estremi, kif ukoll minħabba ftit u ħafna egoċentriżmu.
L-iktar gruppi ċarament differenti mill-oħrajn huma l-ADPD u l-Imperium Ewropa.
Tal-aħħar huwa grupp Neo-Faxxist u psewdo-Nazist li jħuf madwar il-karattru fellinisk ta’ Norman Lowell. Eks bankier li kellu storja kurjuża mal-bank u wara storja twila ta’ inċidenti nstab ħati mill-qorti għal diskors xenofobiku u razzist. L-Imperium Ewropa huma partit tal-lemin estrem li primarjament jitkellem kontra l-migranti fil-pajjiż u l-bżonn li n-nisa jirritornaw id-dar u jservu ta’ ommijiet li jwelldu t-tfal.
Imbagħad hemm l-ADPD, grupp proambjentali, li sfortunatament tilef il-grinta matul is-snin għax m’hemmx tmexxija kariżmatika, b’Sandra Gauci fuq nett u apparti hekk bi ffukar wisq ristrett fuq temi favur l-ambjent.
Il-partiti l-oħra huma ismijiet biss, ABBA u Volt jidhru li huma ristretti għal tnejn, tliet persuni u bla struttura ċara. ABBA, permezz ta’ Ivan Grech Mintoff, tpinġi lilha nnifisha bħala partit kristjan u Malti, u Volt, bla għeruq ta’ xejn fil-komunità Maltija, jirrifletti l-politika Internazzjonali pjuttost liberali.
Fost l-ismijiet singolari, l-iktar wieħed ċar u serju huwa Arnold Cassola, li għażel li jitlaq mill-AD (issa ADPD) għax ma qabilx mal-pożizzjoni dwar l-abort. Minkejja l-fatt li Cassola kien is-Segretarju Ġenerali tal-Greens fl-Ewropa li huma bla tlaqliq favur l-abort u dakinhar ma qal xejn. Cassola rnexxielu, minkejja kollox, jiġbor taħlita ta’ nies ta’ ċerta statura li lesti jappoġġjawh fil-miftuħ. Cassola għandu fama ta’ politika kontra l-korruzzjoni, kif ukoll favur l-ambjent. Mill-kandidati kollha barra l-partiti l-kbar huwa l-iktar wieħed elokwenti u ċar.
Imbagħad hemm lista twila ta’ indipendenti. Minn eks deputati Nazzjonalisti bħal Edwin Vassallo, li ħafna drabi jinstema’, kemm omofobiku fi kliemu, kif ukoll miżoġinista. U Simon Mercieca, li kien segwaċi ta’ Adrian Delia, l-eks kap tal-PN, u llum huwa magħruf l-aktar għall-blogg tiegħu fejn jispara lejn kulħadd u, fuq kollox, matul dawn l-aħħar snin deher ċar li qed jieħu l-pożizzjoni tal-avukati ta’ Yorgen Fenech. Mercieca huwa wkoll akkademiku konservattiv.
Apparti dawn il-personalitajiet hemm kummidjanti u Tiktokers, persuni oħra li huma xprunati minn teoriji ta’ fantasija dwar il-COVID, u oħrajn li ma jirrappreżentaw l-ebda ħsieb.
Huwa ċar li l-politika Maltija qed taffaċċja daqsxejn ta’ kriżi, nuqqas ta’ direzzjoni, ideoloġija ... dak li bl-Ingliż jiġi deskritt bħala ‘a sense of purpose’. U sfiduċja fil-politika taż-żewġ partiti ewlenin u vot ta’ protesta.