Claudette Abela Baldacchino | L-egħżeż jum
'M’hemm xejn aktar li jserraħ ras in-nies mill-fatt li bid-dħul u l-benefiċċji li qegħdin igawdu, jistgħu saħansitra jagħmlu kapriċċi li sal-2013 qajla kienu joħolmu bihom'
Il-ħaddiem jaħdem biex jgħix. Bil-ħiliet tiegħu jirnexxilu jkabbar familja u fi ħdanha jagħmel il-vjaġġ tal-ħajja. Il-familja Maltija llum tinsab f’qagħda ferm aħjar minn ftit snin ilu, meta biex ilaħħqu mal-kontijiet kien ikollhom jibqgħu nieqsa minn ħafna affarijiet. Għadna kemm sirna nafu, permezz ta’ statistika Ewropea li żgur ma tipprova taħbi xejn, kif xejn inqas minn 70 fil-mija tal-Maltin u l-Għawdxin illum ma jsibux problema biex fl-aħħar tax-xahar iħallsu l-kontijiet tagħhom.
M’hemm xejn aktar li jserraħ ras in-nies mill-fatt li bid-dħul u l-benefiċċji li qegħdin igawdu, jistgħu saħansitra jagħmlu kapriċċi li sal-2013 qajla kienu joħolmu bihom. Divertiment, ikliet f’restoranti, akkwisti għad-dar, rigali lin-neputijiet, u btajjel barra l-pajjiż fost affarijiet oħra. Din mhix realtà li waqgħet mis-sema, iżda frott il-ħidma li l-Gvern Laburista wettaq sa minn ftit aktar minn għaxar snin ilu sal-lum, taħt l-amministrazzjoni mħeġġa ta’ Robert Abela.
Ma jfissirx li qegħdin fil-ġenna tal-art, imma kemm jidher isbaħ u aktar ċar ix-xefaq għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Jibqa’ setturi mill-popolazzjoni li jeħtieġu aktar appoġġ minn oħrajn minħabba problemi soċjali li dwarhom qajla jkollhom ħtija. Fil-ħajja, iċ-ċirkustanzi ma jolqtux lil kulħadd l-istess. Fortunatament għandna gvern li jifhem dawn is-sitwazzjonijiet u, sena wara sena fil-Baġit, dejjem ra kif introduċa skemi u inizjattivi b’risq dawk l-aktar li jeħtieġu l-ispalla tal-Istat, dejjem bil-ħsieb li jgħinhom isibu saqajhom.
Il-ħidma ma tiqafx hawn. Nafu kemm progress sar, u nħossuh u mmissuh b’idejna. Il-bilanċ stabbilit fejn il-gvern jgħin lil min l-aktar jeħtieġu waqt li tkompli titkattar il-klassi tan-nofs li tisfrutta u bil-ħaqq tirkeb l-opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u stili ta’ għejxien li sa ftit snin ilu ma kinitx toħlomhom. Din ir-rivoluzzjoni soċjali siekta għadha għaddejja kif wara kollox indikaw baġit wara baġit li ġew fis-seħħ matul dawn l-aħħar snin, hekk kif l-ideat imsejsa fuq ġustizzja soċjali u l-innovazzjoni baqgħu t-timbru ewlieni tal-Gvern Laburista. Li tgħid li f’dan il-perjodu relattivament twil ta’ tmexxija Laburista ma ġietx introdotta taxxa waħda diġà biżżejjed. Hija realtà li timmeravilja lil ħafna nazzjonijiet madwarna, xejn inqas fl-Ewropa li sa ftit snin ilu lanqas biss konna nippruvaw nqabblu lilna nfusna magħhom.
Għaldaqstant, tajjeb li l-pajjiż jieqaf għal jum wieħed speċjali biex jiċċelebra u jirrifletti fuq dak li diġà nkiseb u fuq dak li għad irid isir. Jum il-Ħaddiem huwa festa li għal-Laburisti minn dejjem kellha sinifikat speċjali. Għall-familji kollha mill-klassi tal-ħaddiema, l-1 ta’ Mejju huwa l-egħżeż jum fis-sena. Hekk dejjem kien u hekk għadu. Nafu minn xiex għaddew missirijietna u ommijietna, in-nanniet tagħna, fl-imgħoddi mhux wisq imbiegħed sempliċement għax kienu joħorġu jiċċelebraw Jum il-Ħaddiem.
Permezz tal-Partit Laburista, Malta ilha d-diċenji tgħożż u tkattar sena wara sena dan il-jum għażiż. Anki meta l-irwiefen kienu jonfħu kontra u ċ-ċelebrazzjoni kienet saħansitra ssib il-kundanna tal-awtoritajiet kolonjali, ekkleżjastiċi, u l-Establishment għax fiha kienu jaraw il-ħaddiema kollha tad-dinja jingħaqdu biex, mhux biss jiċċelebraw, iżda fejn kien hemm jew għad hemm bżonn, anki jipprotestaw. L-istorja turina kif Jum il-Ħaddiem mhux dejjem kien rikonoxxut u sar minn kollox biex itappnuh b’akkużi foloz ta’ komuniżmu u antireliġjożità. Iż-żmien wera kemm kienu sejrin imqarrqa dawk il-forzi tal-Lemin li ppruvaw (xi wħud għadhom jippruvaw) iġibu – bis-sewwa jew bid-dnewwa – fi tmiemha din il-festa ta’ għaqda u saħħa fost il-ġnus tal-ħaddimin.
Aħna għandna x-xorti li f’pajjiżna Jum il-Ħaddiem għadu festa li tfisser ħafna, tant li min kien jiddieħaq biha, illum joħroġ, taħt skuża jew oħra, jiċċelebraha wkoll.
Ma jfissirx li din hija festa li matulha nħarsu lura biss. Madankollu, ma rridu ninsew qatt il-kisbiet li saru fl-imgħoddi b’risq il-familji tal-ħaddiema, bħalma ma nistgħux ninsew lil dawk li ġew qabilna u bnew is-sisien li fuqhom hija mibnija s-soċjetà tagħna llum. Mingħajr is-sagrifiċċju tagħhom, it-triq kienet tkun ferm itwal u ferm aktar imħarbta.
Għalhekk, waqt li nsellmu l-imgħoddi, nifirħu bil-lum meta qed ngħixu realtajiet mill-aktar pożittivi, kollha kemm huma frott il-għaraq u d-demm tal-predeċessuri tagħna. Illum il-klassi tal-ħaddiema f’Malta hija x-xempju mixtieq ta’ nazzjon li jaf xi jrid, fejn sejjer, waqt li jaħdem għall-paċi kullimkien, b’mod partikolari f’dan il-perjodu meta għandek żewġ gwerer qliel għaddejjin, anki jekk minn fostna hemm min donnu jippreferi li jkebbes aktar in-nar tal-mibegħda u l-ġlied minflok jingħaqad mal-missjoni għall-paċi li jħaddan pajjiżna llum.
Dan l-egħżeż jum huwa l-festa tagħna l-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Niltaqgħu l-Belt biex flimkien infakkruha u, fuq kollox, inġedduha. Fl-isess ħin, nuru l-fiduċja tagħna fil-Partit Laburista u l-kandidati kollha tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fi ftit ġimgħat oħra.