X’mar ħażin fil-Labour ... kważi kollox
' Kampanja li kienet intiża biex tiddefendi l-indefensibbli bħal każ ċelebri tal-Ministru Roderick Galdes fis-Siġġiewi u l-każ Muscat'
-
Ibda bl-għażla tal-kandidati ... kien hemm problema serja bl-għażla tal-kandidati. Ma kienx hemm ħsieb u attentat biex ikun hemm taħlita sew, b’personalitajiet magħrufa jew inkella b’nies li kellhom xi forma ta’ gravitas, bħalma kienu l-għażliet ta’ Louis Grech u Edward Scicluna f’listi preċedenti.
-
Kien hemm attentat ċar biex Joseph Muscat, illum personalità li jbeżża’ l-vot moderat u dik li taħseb b’moħħha, isib il-protezzjoni fil-Partit Laburista wara deċiżjoni diffiċli u konxja fl-2020 biex dan jiġi mwarrab mill-Partit. Miegħu reġgħu faqqsu wkoll nies bħal Manuel Cuschieri u Jason Micallef – popolari mal-hard core imma antipatki mal-kumplament.
-
Kellek inkompetenza u għażż tremend fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista li spikkat ma’ nies bħall-Perit Daniel Micallef li kien aktar interessat fix-xogħol professjonali tiegħu u Randolph Debattista li kien medjokri, mhux biss għax ma kienx brillanti f’xogħlu, iżda wkoll għax kien jikkritika l-Partit tiegħu stess meta Kap Eżekuttiv ikun mistenni li jkun il-wiċċ tal-Partit. Apparti l-fatt li l-Prim Ministru naqas li jkun aktar preżenti fil-Partit.
-
Kellek ukoll kampanja li kienet intiża biex tiddefendi l-indefensibbli bħal każ ċelebri tal-Ministru Roderick Galdes fis-Siġġiewi u l-każ Muscat u l-inkonsistenza fuq ir-riżenji (jirriżenja Fearne imma mhux Scicluna) u l-attakki pwerili tal-PL fuq Peter Agius u Roberta Metsola.
-
Kellek l-istrateġija jew l-istil ta’ Robert Abela li jbiddel fehmtu fuq numru ta’ affarijiet: Jean Paul Sofia u Rosianne Cutajar huma ż-żewġ eżempji. Hemm aktar.
-
Kellek il-fatt li Robert Abela għandu bżonn nies ta’ stoffa li jtuh pariri siewja.
-
L-impressjoni li fil-Gvern ħafna ministeri huma fuq auto-pilot u jibżgħu jieħdu inizjattiva.
-
In-nuqqas kbir li jingħata u l-impressjoni li m’hemmx pjan u viżjoni ħlief li jitgħajru l-oppożizzjoni li m’hemmx pjan u viżjoni.
-
In-nuqqas ta’ engagement man-nies mill-Prim Ministru f’kull settur, mill-midja, partitarji, u soċjetà ċivili.
-
Il-problema li ħafna inizjattivi jingħataw il-ġenb u jintesew.
-
Il-kriżi ambjentali u tat-traffiku u l-messaġġ politiċi li m’hemmx soluzzjoni.
-
It-tema tal-popolazzjoni u l-barranin.
-
In-nuqqas ta’ għarfien li l-oppożizzjoni tista’ tirbaħ l-elezzjoni li ġejja.
-
L-arroganza.