Editorjal | Il-falliment tal-Ewropa fil-qasam tal-migrazzjoni
'Li nafu hu li l-Gvern Malti, minflok ma ħareġ b’xi idea innovattiva ta’ veru u tajba għall-problema tal-migrazzjoni, qabeż fuq il-karru ta’ Meloni, minkejja l-fatt li issa hemm l-intopp minħabba l-eżitu tal-qorti Taljana'
Il-fatt li l-Ewropa qed terfa’ rasha sew meta niġu għall-partiti tal-lemin li huma kontra l-migranti, il-Musulmani u l-integrazzjoni waslet li l-Ewropa taqbad id-diska ta’ dawn il-gruppi li jirrepetu n-narrattiva tagħhom li l-barranin huma l-problema. Il-biża’ li l-lemin jirbaħ l-elezzjonijiet ġiegħel u wassal biex ħafna partiti inkluż dawk tax-xellug isiru kontra l-barranin. Forma ta’ Trumpiżmu Ewropej.
L-istess jista’ jingħad fuq il-problema tal-ġenoċidju fil-Palestina, bl-Ewropa timxi fil-passi tal-Amerika u tkompli tittollera l-politika ta’ Iżrael li hija minsuġa fuq l-istess storja ta’ kif ġew trattati l-Lhud fl-aħħar gwerra dinija min-Nazisti. Huwa għalhekk li niddeskrivu dak li qed jiġri bħala ġenoċidju tal-ġens Palestinjan.
Għalxejn infakkru fis-silenzju ta’ Metsola, li wrietna bl-iktar mod ċar li hija apoloġista għall-gvern ta’ Iżrael. Metsola li ma titlifx ċans tippoża ta’ xi gladjatur tas-sewwa.
Imma mmorru lura għas-sitwazzjoni tal-Italja. Mela Meloni, il-Prim Ministru Taljan, mexxejja tal-grupp politiku Taljan Fratelli d’Italja, grupp politiku tal-lemin, prova joħroġ bi proposta biex il-migranti jibgħathom lura jew inkella jitilqu mill-pajjiż. Meloni tidher li riedet tikkopja lill-Gvern Ingliż konservattiv li għamel arranġament simili mal-Gvern tar-Rwanda. Arranġament li ġab l-istmerrija ta’ bosta gruppi li jaħdmu mal-migranti, kif ukoll f’isem id-drittijiet tal-bniedem.
Danakollu mid-dehra ma waqqafx lil Meloni biex tfittex ftehim mal-Gvern Albaniż ta’ xi 800 miljun li jwassal li l-Albanija li tospita ġewwa żewġ ċentri jew ħabsijiet għall-migranti. Figura li l-partit tal-PD (alleat tal-Partit Laburista Malti) stqarr li aħjar intuża fil-qasam tas-saħħa.
Dan l-arranġament eċita mhux ftit il-Kummissjoni Ewropea xprunati mill-biża’ li l-partiti tal-lemin ikomplu jissaħħu għax l-Ewropa tidher li ma qed tagħmel xejn għall-problema tal-migranti.
Malta wkoll, permezz tal-Prim Ministru Robert Abela, uriet apprezzament għall-mossa ta’ Meloni. Addijo l-argumenti dwar id-dinjità tal-bniedem u wisq aktar dwar il-bżonn li bħala politika xellugija jkun hemm għarfien tal-obligazzjonijiet tal-Ewropa għal dawk li qed ifittxu kenn jew ażil politiku mill-ħruxijiet tal-pajjiżi fejn twieldu jew miż-żoni fejn hemm kunflitti jew tħeddid ta’ gwerer.
Tant hu hekk, li issa Qorti f’Ruma ddikjarat li d-deċiżjoni tal-Gvern Taljan li jibgħat migranti li jaslu l-Italja fl-Albanija tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u hija kontra l-liġi.
Fl-istess nifs il-Prim Ministru ta’ Franza Barnier stqarr li arranġament bħal dak ma jkunx ‘legali’ fi Franza.
Ovvjament Meloni ħarġet tattakka l-qrati Taljani.
Li nafu hu li l-Gvern Malti, minflok ma ħareġ b’xi idea innovattiva ta’ veru u tajba għall-problema tal-migrazzjoni, qabeż fuq il-karru ta’ Meloni, minkejja l-fatt li issa hemm l-intopp minħabba l-eżitu tal-qorti Taljana.
U aħna billi aktar konxji mis-saltna tad-dritt u minkejja l-ħafna prietki mill-orakli, għandna tradizzjoni li nirrispettaw lill-qrati ... u nagħrfu meta niżbaljaw.