.png)
Jekk Ivan Bartolo jirriżenja, jidħol Jason Azzopardi fil-Parlament
'Kieku jidħol ikun l-ikbar rigal li jista’ jkollu l-Partit Laburista li f’Azzopardi jaraw bniedem li jbeżża’ l-elettorat li jrid jivvota għall-PN'
.png)
L-Eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi huwa aktar ta’ tħeddida għall-Partit Nazzjonalista milli għal-Labour, u l-iktar biċ-ċans li jitla’ f’elezzjoni każwali.
Ivan Bartolo, id-Deputat Parlamentari Nazzjonalista li f’mument partikolari kien ukoll qed jaħseb li jtiha għal Kap tal-PN, iddikjara li mhux se jerġa’ jikkontesta għall-elezzjoni ġenerali. Bartolo imma jaf li għall-ġid tal-PN ma jistax jirriżenja għax jekk jirriżenja mill-Parlament jidħol permezz ta’ elezzjoni każwali Jason Azzopardi.
Bartolo, li kien qed jagħti tama kbira lill-PN biex ikollu kelliem u wiċċ għall-ekonomija, stqarr li m’għandux ħsieb jerġa’ jikkontesta. Bartolo huwa negozjant u sab li l-ħajja politika qed tpoġġi ħafna limitazzjonijiet fuq il-ħajja personali tiegħu.
Bartolo jħobb isiefer Sqallija ta’ spiss fejn għandu dar u jsuq karozzi lussużi u sportivi. Imma minkejja kollox kien hemm tama li Ivan Bartolo jkun il-wiċċ tal-PN meta jkun hemm diskorsi u dikjarazzjonijiet dwar l-ekonomija.
Wara li kien telaq Claudio Grech mill-PN, l-istess PN baqa’ ma sabx persuna ideali biex titkellem fuq l-ekonomija. U b’Jerome Caruana Cilia bħala l-kelliem, ftit li xejn jistgħu jikkonvinċu l-elettorat li għandhom tim effikaċi u tajjeb biex jixprunaw l-ekonomija.
Imma meta Bartolo ddikjara li se jitlaq kien hemm biża’ kbir li jirriżenja mill-Parlament ukoll. Jekk kien jiġri hekk, il-persuna li għandha ċans tidħol fis-siġġu tiegħu huwa Jason Azzopardi, il-persuna li kemm-il darba attakka bl-aħrax lil Bernard Grech li huwa magħruf li għandu Alla għalih. Apparti li tant hu persuna li jaħseb għalih innifsu, ftit li xejn huwa plejer li jaħdem għat-tim.
Jason Azzopardi huwa l-iktar wieħed biċ-ċans li jitla’ f’elezzjoni każwali. Warajh hemm Emma Bonnici u Charles Selvaggi. Jason Azzopardi, minkejja li huwa popolari mal-ġemgħa tan-nies tal-grupp Repubblika, mhuwiex maħbub mill-PN.
Għall-PN, l-iktar kandidat ideali minflok Ivan Bartolo hu Charles Selvaggi; persuna leali lejn il-Partit. Emma Bonnici kellha problema mal-PN meta tkellmet apertament dwar l-abort u għalhekk hi persuna li tista’ wkoll tqajjem xi problemi.
Għalissa, sakemm Ivan Bartolo ma jbiddilx fehmtu, il-possibbiltà li jidħol Azzopardi fil-Parlament huwa diffiċli. Kieku jidħol ikun l-ikbar rigal li jista’ jkollu l-Partit Laburista li f’Azzopardi jaraw bniedem li jbeżża’ l-elettorat li jrid jivvota għall-PN.