Edwin Vassallo | Neħtieġu politika favur it-tisħiħ tal-familja
'F’pajjiżna drajna ngħixu bi skandlu ta’ korruzzjoni, wieħed wara l-ieħor. Ċerti skandli nitkellmu dwarhom ftit aktar minn oħrajn, iżda bħal kull skandlu, kollox jindara. Filwaqt li l-korruzzjoni tal-familja, it-tħassir tal-familja ngħixuh, mhux nintebħu xi ħsara qed jagħmel lil uliedna'
Il-familja hija realtà u mhux sitwazzjoni astratta.
Huwa l-establishment politiku f’pajjiżna bil-Labour u n-Nazzjonalisti li ġabu lill-familja sitwazzjoni astratta. Daqslikieku mhux aktar realtà.
Illum iż-żewġ partiti fil-Parlament huma ta’ ideoloġija komplimentari, jaqblu dwar il-politika tal-ideoloġija tal-ġeneru u f’dik li hija ideoloġija llum iż-żewġ partiti intrinsikament huma t-tnejn liberali u “woke”.
F’dan ir-rigward f’pajjiżna tlifna l-alternanza u l-alternattiva politika. Ġibna fix-xejn id-demokrazija bi dritt ta’ għażla bejn żewġ partiti differenti. Dan għaliex illum m’għadx baqgħalna żewġ partiti differenti, bħalma kienu qabel, fi żmien Mintoff u Eddie meta dawn kienu l-oppost ta’ xulxin.
Illum meta l-Gvern iressaq liġi liberali, ideoloġikament tippromovi l-ideoloġija tal-ġeneru, dik il-liġi tkun approvata bl-inqas skossi possibbli, u xi drabi bl-inqas seduti possibbli biex il-qbil ma jagħtix fil-għajn u l-effett tal-liġi jkun diskuss mill-inqas fil-pubbliku. Riżultat ta’ dan kollu, il-kunċett ta’ x’inhi familja, raġel u mara li jieħdu daqqa ta’ ħarta. Dan wassal bil-qbil fil-Parlament dwar l-Istanbul Convention, il-liġi ta’ żwieġ għall-koppji tal-istess sess, u liġijiet oħra li ġew approvati dan l-aħħar li approvaw u introduċew kunċetti ġodda li bħal bl-iskuża ta’ youth empowerment spiċċajna nġibu fix-xejn l-awtorità tal-ġenituri.
L-introduzzjoni ta’ kunċetti fil-qasam edukattiv bħalma huwa pereżempju l-użu tal-kliem “parent 1 u parent 2, ġenitur 1 u ġenitur 2”. Illum fil-qasam edukattiv il-kliem “missier u omm” qed jintuża dejjem inqas.
F’pajjiżna, wara d-dħul tad-divorzju, bdiet tiddomina aktar il-mentalità divorsista; mentalità li taċċetta u tippromovi li ż-żwieġ mhux dejjiemi. Bħalma ġara f’pajjiżi oħra żdiedet il-koabitazzjoni.
Riżultat ta’ dan kollu u ħafna realtajiet oħra, pajjiżna sar għandu sfida kbira demografika, pajjiżna wieħed mill-pajjiż fl-UE li għandu l-anqas rata ta’ twelid. Illum nafu li minn għaxart itrabi li jitwieldu f’Mater Dei, il-maġġoranza assoluta huma trabi ta’ ġenituri barranin.
Dan kollu jwassal għal faqar ġdid, faqar morali, soċjali, finanzjarju, ambjentali eċċ.
Dan kollu huwa korruzzjoni tal-familja li hija ferm aktar perikoluża mill-korruzzjoni tal-flus.
Ngħid hekk għaliex meta bil-liġijiet “woke”, liġijiet li jippromovu l-ideoloġija tal-ġeneru, il-politiċi tagħna qegħdin jikkorrompu, iħassru l-kunċett ta’ xi tfisser familja.
Dan huwa l-mod ta’ kif illum l-establishment politiku qed iġib fix-xejn id-dinjità tal-familja u għalhekk id-dinjità umana tal-bniedem.
Min jimpurtah minn dan kollu?
Min jimpurtah mill-familja f’pajjiżna?
Risposta sempliċi. “Ħadd ma jimpurtah” u dan għaliex għall-establishment politiku, il-familja m’għadhiex prijorità. F’pajjiżna, grazzi għall-politika liberali, “il- familja” spiċċat bla dinjità. Issa l-flus, il-konsumeriżmu, issa l-bini bla limitu, issa l-bejgħ ta’ droga, issa l-kummerċ ta’ nies barranin, dan kollu sar il-prijorità. Il-familja spiċċat realtà astratta li l-istess establishment politiku liberali jemmen li għandu jeqred u li lanqas biss jimpurtah jgħin. Illum anzi l-istat jemmen li huwa jrid jieħu post il-familja. Il-liberaliżmu llum huwa kontinwazzjoni tal-Marxiżmu li bħala ideoloġija politika qatt ma emmnet fil-familja. Illum l-ideolġija tal-ġeneru ma temminx fil-familja għaliex fil-familja tara lill-ulied jieħdu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ fil-ħajja b’valuri b’risq id-dinjità tal-ħajja umana. Illum l-istat bl-establishment politiku magħmul mil-Labour u n-Nazzjonalisti ma baqagħlux aktar spazju għall-politika ta’ tisħiħ tal-familja.
Għall-istat li jmexxi ekonomija li tippermetti dħul għall-Gvern mill-infiq tal-konsum, il-bniedem, il-familja spiċċaw numri fi proċess ta’ katina ta’ nfiq. Kulħadd huwa numru u xejn aktar. Illum persuna fil-ħajja tiswa daqskemm kapaċi tonfoq. Meta int tispiċċa kapaċi tonfoq, tispiċċa piż fuq l-istat li jibda jaħseb kif titwarrab. Dan ftit xhur oħra jsir b’suwiċidju assistit. Din hija l-politika tal-UE fil-preżent fejn l-istess UE hija maħkuma mill-politika tal-ideoloġija tal-ġeneru fejn id-dinjità umana tinġieb fix-xejn.
F’pajjiżna drajna ngħixu bi skandlu ta’ korruzzjoni, wieħed wara l-ieħor. Ċerti skandli nitkellmu dwarhom ftit aktar minn oħrajn, iżda bħal kull skandlu, kollox jindara.
Filwaqt li l-korruzzjoni tal-familja, it-tħassir tal-familja ngħixuh, mhux nintebħu xi ħsara qed jagħmel lil uliedna.
Darba Eddie Fenech Adami fil-ktieb “My Journey” f’paġna 75, dwar il-PN huwa kkwotat li kien qal hekk; “Is-sisien tal-partit baqgħu l-istess, appoġġjati mill-motto tiegħu, Religio et Patria – li b’mod prattiku jsegwi l-politika għall-familja u politika soċjali mibnija fuq valuri reliġjużi. Għalija dawn il-prinċipji kienu u għadhom ir-ruħ tal-partit. Jekk tasal ġurnata li dan ma jibqax il-każ, il-PN jieqaf jirrappreżenta lill-maġġoranza tal-Maltin. Fl-opinjoni tiegħi, din imbagħad tkun il-kundanna tiegħu.”
Fil-PN, fi żmien meta kien kap Dr Simon Busuttil, kienu saru l-emendi għall-istatut tal-istess partit, fejn il-kelma “il-Familja” kienet tneħħiet mil-lista tal-valuri tal-PN. Il-PN beda triqtu biex jibda jsir ideoloġikament liberali u jien ngħid għalhekk, irrelevanti.
Il-PL fiż-żmien meta kien mexxej Dr Joesph Muscat, għażel l-ideoloġija tal-ġeneru bħala l-ideoloġija naturali tiegħu bħala hekk imsejjaħ – partit progressiv.
Dan l-hekk imsejjaħ progressiviżmu, għas-soċjetà Maltija mhu xejn ħlief rigressiviżmu. Ħarsu lejn kif sejrin lura minflok ’il quddiem għall-familja Maltija u Għawdxija.
Illum il-ħajja trid taffaċċja l-isfidi tar-realtà tal-mard mentali, ta’ suwiċidji, ta’ dipressjoni, tal-faqar, ta’ tkissir tal-familja, bil-bini kollu li qiegħed jiżdied, il-prezz tal-propjetà qiegħed jiżdied, il-koppji żgħażagħ qegħdin isibuha iebsa biex jibdew familja, għax xogħol il-Malti jrid jikkompeti “home” mal-barrani u l-ħaddiem barrani jirbaħ għaliex lest jaċċetta pagi u salarji orħos mill-ħaddiem Malti. Fil-qasam tal-edukazzjoni, Malta hija waħda mill-aktar pajjiżi fl-UE bl-istudenti li jispiċċaw l-istudji tagħhom wara s-sekondarja. Terz taż-żgħażagħ Maltin jistħu jgħidu li huma Maltin, żgħażagħ oħra jgħidu li kif jiggradwaw jitilqu minn pajjiżhom. Dan huwa r-riżultat tal-hekk imsejjaħ progressiviżmu politiku.
L-istess politika hekk imsejħa progressiva qed tħalli riżultati biss pożittivi fost negozjanti kbar speċjalment fil-qasam tal-bini li tant sejrin tajjeb li jridu jibqgħu jibnu u jibnu bil-familja Maltija u Għawdxija tintradam taħt ir-realtà tal-“over population.”
Hekk il-familja Maltija u Għawdxija qed taffaċċja l-attakki kontinwi u toħroġ telliefa fil-qasam ambjentali, morali, soċjali, finanzjarju, tal-ġustizzja, pajjiż mifqugħ bid-droga, użura, logħob tal-flus, eċċ. Dawn huma dipendenzi li qed ikissru lill-familja u li kollha huma konsegwenzi tal-hekk imsejjaħ progressiviżmu.
Inħares lejn dan kollu jien nibqa’ nemmen li għandna bżonn politika radikali, differenti għalkollox mill-istatus quo li qegħdin fih li l-prijorità tagħha tkun it-tisħiħ tal-familja.
Qabel nibdew nitkellmu dwar din il-politika radikali iżda onesta mal-verità fiex għadha tikkonsisti, l-ewwel irridu nemmnu li għandna bżonn din il-politika u dan irid iseħħ qabel ma l-pajjiż jogħtor u l-familja Maltija u Għawdxija tgħid “ma niflaħx aktar.”