Conte se jirriżenja jew se jistenna? Ġurnata kruċjali għall-Italja
Ir-rapporti kollha qed jaqblu li dan huwa t-tmiem għall-Gvern ta' koalizzjoni bejn il-partit ta' Salvini u Di Maio
More in Barranin
Ir-rapporti kollha qed jaqblu li dan huwa t-tmiem għall-Gvern ta' koalizzjoni bejn il-partit ta' Salvini u Di Maio
Għall-kriżi fil-Gvern Taljan illum hija ġurnata importanti. Waranofsinhar, il-Prim Ministru Giuseppe Conte mistenni jindirizizza lill-Parlament u wara jibda d-dibattitu li jista’ jwassal għal vot dwar il-Gvern ta’ koalizzjoni li ilu jmexxi ftit aktar minn sena.
Madanakollu, rapporti fuq midja Taljana qed jisħqu li qabel jittieħed il-vot, Conte jaf iħabbar l-intenzjoni tiegħu li jirriżenja.
Jekk dan iseħħ, u allura ma jitteħidx vot ta’ sfiduċja fil-Gvern, kif wara kollox jixtieq id-Deputat Prim Ministru Matteo Salvini, il-Movimento Cinque Stelle x’aktarx se jitolbu lill-President Sergio Mattarella biex jagħtihom iċ-ċans li jiffurmaw Gvern ġdid.
Rapporti oħra qed jisħqu li Conte jista’ jistenna t-tmiem tad-dibattitu qabel iħabbar l-intenzjoni tiegħu.
Anke jekk ir-rapporti huma differenti, kollha qed jaqblu fuq l-istess ħaġa: Dan huwa t-tmiem tal-Gvern iffurmat bejn il-partit ta’ Salvini u dak ta’ Di Maio.
Minn fejn beda kollox?
Iż-żewġ partiti populisti li ffurmaw il-Gvern Taljan għandhom proposti u anke politika soċjali, ekonomnika u infrastrutturali differenti ħafna minn ta' xulxin.
Din l-aħħar kriżi, fil-fatt, bdiet wara li l-Movimento Cinque Stelle oppona bi kbir il-proposta tal-Lega li jkun hemm ferrovija biex tiffaċilita t-trasport tal-prodotti lejn Franza.
Il-koalizzjoni kompliet tixxaqqaq wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' Mejju li għadda meta l-partit ta' Matteo Salvini ħareġ bħala l-aktar wieħed b'saħħtu, ħafna aktar minn dak ta' Di Maio.
Preżentament is-sondaġġi qed ipoġġu lil Salvini fil-vantaġġ, tant li jekk issir elezzjoni, hemm ċans li jkollu biżżejjed siġġijiet biex ikun jista' jiggverna waħdu.