Il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson, qiegħed jikkunsidra elezzjoni ġenerali bikrija jekk dawk id-Deputati li jridu jwaqqfu Brexit mingħajr ftehim jirnexxielhom jilħqu maġġoranza fil-Parlament.
Rapporti fuq midja internazzjonali qed jitkellmu fuq diskussjonijiet li għaddejin f’Downing Street biex il-Gvern jitlob elezzjoni ġenerali bikrija.
Anke jekk ma kien hemm l-ebda deċiżjoni jew kommunikazzjoni dwar dan, ħafna esperti u edituri politiċi qed jisħqu li dan jista’ jitħabbar qabel nhar l-Erbgħa.
Jidher li eks ministri tal-Partit Konservattiv, jiġifieri l-partit ta’ Johnson stess, qed jingħaqdu ma’ dawk tal-Partit Laburista biex iwaqqfu l-ħruġ mingħajr ftehim tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Johnson mistenni jlaqqa’ l-kabinett aktar tard illum u wara se jkun qed jitlaqa’ mad-Deputati kollha tiegħu.