Boris Johnson b'idejh marbuta wara disfatta oħra

Johnson, kontra r-rieda tiegħu, jista' jkun kosrett jitlob estensjoni għal Brexit

Disfatta oħra għall-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson li mhux biss tilef il-maġġoranza għax il-Parlament ma jridx li Brexit isir mingħajr ftehim iżda lanqas ma jista’ jsejjaħ elezzjoni ġenerali, biex tkun għaddiet tiegħu xorta.

Ilbieraħ id-diskussjonijiet baqgħu għaddejin sa tard bil-lejl fil-House of Lords, bil-Gvern iċedi l-armi meta jinduna li mhux se jirnexxilu jwaqqaf miżura li l-għan tagħha jkun li twaqqaf Brexit mingħajr ftehim.

Dan ifisser li Johnson, kontra r-rieda tiegħu, jista' jkun kosrett jitlob estensjoni għal Brexit.

Min-naħa tagħha, l-Oppożizzjoni saħqet li issa kapaċi tgħaddi dan l-abbozz mill-Parlament qabel dan ikun sospiż għal aktar minn xahar.

Kien Johnson stess li talab lir-Reġina tissospendi l-Parlament biex ikun hemm ftuħ ġdid u d-Diskors tar-Reġina nhar l-14 ta’ Ottubru, mossa li qajmet rabja fost ħafna fir-Renju Unit.

Il-pjan ta’ Johnson bħalissa huwa li tissejjaħ elezzjoni bikrija fil-15 ta’ Ottubru, iżda l-Parlament waqqa’ din l-mozzjoni, bil-Prim Ministru jinsisti li se jerġa’ jipprova u jisħaq li elezzjoni huja l-uniku triq ‘il quddiem għall-pajjiż.

Huwa akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn li qed jibża’ mill-ġudizzju tal-poplu.

More in Barranin