Johnson u Juncker se jiltaqgħu għall-ewwel darba llum

Il-Prim Ministru Ingliż se jkun qed jinsisti li r-Renju Unit mhux lest li jitlob estensjoni oħra għal Brexit

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson illum se jkollu l-ewwel laqgħa mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, li se jkun qed itemm il-kariga tiegħu fl-istess ġurnata li fiha suppost li se jseħħ Brexit, fil-31 ta’ Ottubru.

Skont rapporti fuq midja internazzjonali, il-Prim Ministru Ingliż mistenni jinsisti ma’ Juncker li r-Renju Unit mhux lest li jitlob estensjoni għal Brexit.

Dan minkejja li l-Parlament Ingliż ivvota favur liġi li tista’ timponi lil Johnson biex jitlob estensjoni jekk jibqa’ ma jintlaħaqx qbil dwar il-ftehim tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea.

Madanakollu, bħalissa, il-Parlament Ingliż jinsab sospiż biex se jerġa’ jiftaħ fl-14 ta’ Ottubru.

Il-Ministru Ingliż għall-Affarijiet Barranin, Dominic Ray saħaq li Johnson mistenni jinsisti ma’ Juncker li l-Gvern Ingliż irid li jħalli l-Unjoni Ewropea bi ftehim.

Madanakollu sa issa, għax ma hemm l-ebda pjani biex jinbidel il-backstop kontroversjali tal-fruntiera Irlandiża, punt fil-ftehim li kienet kisbet l-eks Primn Minstru Theresa May u li wassal biex il-ftehim ikun iriġettat mill-Parlament Ingliż għal tliet darbiet.

More in Barranin