Waqt id-diskors tagħha f’Helsinki, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen qalet li fl-eventwalità li Brexit jerġa’ jkun estiż, hi se titlob lill-Gvern tar-Renju Unit iressaq kandidat għall-Kummissarju Ewropew.
Skont it-trattati eżistenti tal-Unjoni Ewropea jekk Brexit ma jsirx fit-31 ta' Ottubru, ir-Renju Unit għandu l-obbligu li jinnomina kandidat għal Kummissarju fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.
Intant skont rapporti fil-midja, il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson qed jikkunsidra li jsejjaħ elezzjoni ġenerali jekk l-Unjoni Ewropea tipproponi li Brexit ikun estiż sa Jannar li ġej. It-Tnejn li għadda d-deputati vvotaw kontra l-programm tal-Gvern biex il-liġi tkun diskussa fi tlett ijiem.Dan wassal biex Johnson ikun sfurzat, bil-liġi, biex jibgħat ittra lill-Unjoni Ewropea biex jitlob estensjoni.
Il-President uxxenti tal-KE, Jean-Claude Juncker mistenni jtemm il-kariga tiegħu fit-31 ta’ Ottubru. Madanakollu, minħabba dewmien fil-ħatra ta’ Kummissarji minn Franza, l-Ungerija u r-Rumanija, hu mistenni jagħmel xahar ieħor fil-pożizzjoni tiegħu.
Skont it-Trattat tal-UE kull wieħed mit-28 stat membru għandu jinnomina kummissarju wieħed.