Ix-xufier tal-kontejner li fih instabu 39 persuna mejta f’Essex, l-Ingilterra, se jkun qed jitressaq il-Qorti.
Iż-żagħżugħ, li għandu 25 sena u li huwa mill-Irlanda ta’ Fuq, mistenni jidher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati f’Chelmsford permezz ta’ videolink.
Huwa mistenni jkun akkużat bil-qtil tad-39 persuna, bi traffikar tal-persuni u anke b’ħasil ta’ flus.
L-iġsma bla ħajja nstabu nhar l-Erbgħa li għadda fil-kontejner f’żona industrijali.
Intant, għadhom għaddejja t-testijiet tad-DNA biex il-vittmi, li huma kollha mill-Vjetnan, ikunu identifikati.
Tliet persuni oħra ġew arrestati b’rabta ma’ dak il-każ u ngħataw il-ħelsien mill-arrest nhar il-Ħadd li għadda.