Mijiet ta' eluf ta’ ħut mietu fix-xmara ta’ Macleay fl-istat ta’ New South Wales wara li l-irmied min-nirien li qed jaħkmu l-Awstralja nxtered fl-ilma tax-xmara.
Numru kbir ta’ ħut nstabu fuq l-ixtut tax-xmara Macleay. Id-Dipartiment tal-Industriji Primi ta’ NSW irċieva numru ta’ rapporti dwar il-mewt tal-ħut minn Diċembru li għadda s'issa.
In-nies tal-lokal qalu li x-xita tal-aħħar 10 ijiem ġarret ħafna iktar irmied u tajn għal ġox-xmara. Fuq Facebook, resident f'Bellbrook qal li l-ammont ta’ ħut mejtin li nstabu fil-villaġġ, jirrifletti l-ammont ta' ħut ħafna akbar li mietu fix-xmara kollha.
Hu żied jgħid li: “Waqt li wara n-nirien, dejjem jinqatlu ammont ta’ ħut minħabba l-irmied, l-ammont li mietu fl-aħħar xhar huwa sostanzjalment ogħla.”
Waqt li n-nirien fl-Awstralja għadhom għaddejjin, l-Awstralja qed tintlaqat minn numru ta’ maltempati kbar, li qed jikkawżaw għargħar.