Ilbieraħ is-Sovraintendenza tas-Saħħa Pubblika ħabbret li hi kienet qed tissorvelja s-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fil-każijiet tal-polmonite fil-belt ta’ Wuhan fiċ-Ċina.
Hi ħabbret ukoll li qed tagħti kas il-parir tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC). Skont awtoritajiet Ċiniżi, dawn il-każijiet huma tip ġdid ta’ conoravirus, li huma relatati mas-SARS u l-MERS.
S’issa madwar 500 każ kienu rrappurtati f’numru ta’ pajjiżi madwar id-dinja, fosthom Franza, il-Ġappun u l-Istati Uniti. Bejn it-22 u t-23 ta’ Jannar, il-WHO sejħet għall-pajjiżi kollha biex jippjanaw biex jikkumbattu t-tixrid tal-mard tal-coronavirus. Minkejja dan, l-WHO ma ssuġġeritx restrizzjonijiet ta’ vjaġġar.
Is-Sovratendenza tas-Saħħa Pubblika ħabbret numru ta’ prekawzjonijiet li se tieħu Malta fir-rigward tal-coronavirus, dawn huma:
Tim għall-kordinazzjoni għar-rispons nazzjonali ġie mwaqqaf u mmexxi mis-Sovratendenza tas-Saħħa Pubblika.
Komunikazzjoni kontinwa bejn l-WHO, ECDC u l-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa tal-UE. Il-Kunsill Ewropew qed jorganizza telekonferenzi regolari mal-Istati Membri fejn l-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika f’Malta qed jieħdu sehem biex jirċievu aġġornamenti u pariri fuq azzjonijiet li jridu jittieħdu.
Titjib fis-sorveljanza u effiċjenza għat-tfittxija tal-każijiet.
Komunikazzjoni mal-midja, pariri għall-kliniċisti u pariri għall-vjaġġaturi.
Iktar effiċjenza fl-Isptar ta’ Mater Dei flimkien ma’ Organizzazzjoni tal-Kura Primarja ta’ testijiet tal-laboratorju permezz ta’ strateġija koordinata ma’ laboratorji barranin u testijiet lokali, miżuri ta’ kontroll fir-rigward tal-infezzjonijiet u effiċjenza mill-isptarijiet fil-każ ta’ każ suspettat.
Vjaġġaturi għandhom :
I. Jevitaw li jżuru postijiet fejn annimali ħajjin jew mejtin huma miżmumin f’postijiet magħluqa
II. Jevitaw kuntatt ma’ persuni morda, b’mod partikolari dawk li għandhom problemi respiratorji.
III. Jipprattikaw iġene tajba.
IV. Jevitaw kuntatt mal-annimali, l-eskrementi jew il-ħmieġ tagħhom.
Vjaġġaturi b’sintomi respiratorji mhux tas-soltu fi żmien 14-il jum mid-data li żaru l-belt ta’ Wuhan, qed jingħataw il-parir li jkellmu lit-tabib tagħhom u jinfurmaw bil-vjaġġ lejn Wuhan u jikkomunikaw mal-Unit tal-Prevenzjoni u l-Kontroll ta’ Mard fuq in-numru 21324086.
Minħabba r-rata għolja ta’ epidemja ta’ influwenza staġjonali fiċ-Ċina, il-vjaġġaturi huma mwissija biex jirċievu t-tilqim kontra l-influwenza staġjonali mill-inqas ġimagħtejn qabel l-ivjaġġar biex jiġi evitat mard qalil.