Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel sejħet għal aktar solidarjetà u kooperazzjoni bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea f’diskors fil-Parlament hekk kif il-Ġermanja qed tħejji biex tieħu f’idha l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.
Waqt id-diskors tagħha, Merkel saħqet li l-pajjiżi membri jeħtieġ jaħdmu aktar flimkien.
“Aħna għandna bżonn l-Ewropa u l-Ewropa għandha bżonn lilna,” saħqet Merkel. Fi kliema, l-Unjoni Ewropea mhijiex proġett storiku, iżda proġett li jħares lejn il-futur.
Hija sejħet lill-Istati Membri biex joħolqu “kompromess,” hekk kif illum se jkun qed jitlaqqa’ summit Ewropew b’mod virtwali.
Merkel qed tittama li jintlaħaq ftehim bejn il-mexxejja biex ikun hemm pakkett ta’ rkrupru mill-pandemija.
Fuq il-mejda hemm fond ta’ €750 biljun li jinkludi €500 biljun fi grants u €250 biljun f’self.
Uħud mill-pajjiżi membri huma xettiċi dwar dan il-fond anke minħabba d-dejn li pajjiżi oħra għandhom magħhom.
“Se naħdmu b’determinazzjoni kontra l-periklu ta’ qasma permanenti fl-Ewropa,” saħqet il-Kanċillier.