Il-vaċċin ta' Oxford jipprovdi 70% protezzjoni mill-Covid-19
Dan huwa t-tielet vaċċin li nħarġu r-riżultati dwaru f'temp ta' ftit jiem
More in Barranin
Dan huwa t-tielet vaċċin li nħarġu r-riżultati dwaru f'temp ta' ftit jiem
Il-vaċċin kontra l-Covid-19, li qed ikun żviluppat mill-Università ta’ Oxford mal-kumpanija AstraZeneca iwaqqaf 70% ta’ dawk li jirċevuh milli jiżviluppaw is-sintomi tal-Covid-19.
Dan jista’ jidher bħala diżappunt hekk kif fil-ġimgħat li għaddew, il-kumpaniji Pfizer u Moderna ħabbru li l-vaċċin tagħhom huwa 95% effettiv.
Madanakollu, il-vaċċin ta’ Oxford huwa ħafna irħas, aktar faċli biex jinħażen u faċli aktar biex jinkiseb mill-vaċċini l-oħra.
Għalhekk, minkejja li ma jidhirx li huwa effettiv daqs l-oħrajn, xorta waħda mistenni jilgħab parti importanti fil-ġlieda kontra l-pandemija, jekk ikun approvat mir-regolaturi.
L-indikazzjonijiet huma li jekk id-doża tkun żviluppata ftit ieħor, l-effettivà tiegħu tista’ tiżdied ukoll sa 90%.
X’nafu dwar dan il-vaċċin?
Dan il-vaċċin kien meqjus bħala wieħed mill-aktar li qed jipprometti u li x’aktarx ikun minn tal-ewwel fis-suq. Kien ukoll l-istess vaċċin li t-testijiet fuqu kellhom jieqfu temporanjament wara li wieħed mill-parteċipanti fit-testijiet kien żviluppa xi sintomi u kellu jiddaħħal l-isptar. Madanakollu, dan ma kien xejn gravi u t-testijiet setgħu ikomplu.
Il-vaċċin reġa’ spiċċa fuq l-aħbarijiet ftit wara hekk kif miet wieħed mill-parteċipanti fil-Brażil, li kien qed jieħu sehem fit-testijiet.
Il-parteċipant kellu 29 sena. Madanakollu jirriżulta li dan ma kienx fost dawk il-parteċipanti li rċevew il-vaċċin, hekk kif il-parteċipanti f’dan l-istudju jkunu mqassma fi gruppi biex ir-riċerkaturi jkunu jistgħu jqabblu bejn dawk li jkunu rċevew il-vaċċin u oħrajn li ma jkunux irċevewh.
Fil-fatt, it-testijiet fuq dan il-vaċċin komplew.
L-ewwel testijiet li saru fl-ewwel u fit-tieni fażi wrew li dan il-vaċċin jista’ joħloq rispons immunitarju b’saħħtu biex jiġġieled il-virus.
Fil-fatt, f’Ġunju, l-Università ppubblikat ir-riżultati tat-testijiet tal-ewwel u t-tieni stadji. Il-vaċċin, imlaqqam ChAdOx1 nCoV-19 huwa magħmul minn virus immodifikat ġenetikament u li jikkawża l-irjiħat komuni fix-xadini.
Fi kliem sempliċi, dan il-virus kien immodifikat (jiġifieri kellu l-istruttura ġenetika tiegħu mibdula) biex ma jkunx ta' ħsara għall-umani u biex dan "jidher" aktar bħall-Coronavirus.
Il-vaċċin pprovoka dik li tissejjaħ Ċellola T f'14-il jum minn meta ttieħed u ħoloq rispons ta' antibody fi 28 jum. Din hija tip ta' ċellola bajda (White Blood Cell) li hija parti mis-sistema ta' immunità f'ġisimna. Din tattakka ċ-ċelloli infettati bil-Coronavirus.
L-Unjoni Ewropea laħqet ftehim ma’ AstraZeneca biex tipprovdi 400 miljun doża jekk it-testijiet jagħtu riżultati pożittivi. Skont il-kumpanija, kapaċi tipprovdi sa żewġ biljun doża.