Mil-lum il-Ġermanja daħlet f’lockdown pjuttost iebes fejn ingħalqu l-iskejjel u anke n-negozji kollha li mhumiex neċessarji bil-għan li tkun imrażżna l-imxija tal-Covid-19 li żdiedet sostanzjalment fl-aħħar jiem.
Dawn il-miżuri stretti jibqgħu fis-seħħ sal-10 ta’ Jannar. Għal Milied biss, il-Ġermaniżi qed jingħataw permess biex kull familja tistieden sa massimu ta’ erba' qraba.
Sal-bieraħ, fil-Ġermanja kien hemm 27,728 każ ġdid ta’ Covid-19 filwaqt li mietu 952 persuna.
Intant, pajjiżi oħra Ewropej ukoll żiedu r-restrizzjonijiet tagħhom hekk kif qorob il-Milied. Franza, fost oħrajn, introduċiet curfew għal filgħaxijiet.
Fil-Ġermanja, jistgħu jiftħu biss negozji essenzjali bħas-supermarkets u l-banek. Ir-ristoranti, il-bars u l-postijiet tad-divertiment se jibqgħu magħluqa.
Il-ħwienet tax-xagħar huma fost in-negozji li jridu jibqgħu magħluqa.
Ma jistax lanqas jinxtorob alkoħol fil-pubbliku u għalhekk l-istands tant popolari tal-mulled wine wkoll ma jistgħux jiftħu.
Il-kumpaniji qed ikunu mħeġġa wkoll biex jippermettu li l-impjegati tagħhom jaħdmu mid-dar.