Il-President Taljan, Sergio Mattarella, sejjaħ lil Mario Draghi, l-eks Kap tal-Bank Ċentrali Ewropew u talbu jifforma Gvern ġdid Taljan. Draghi aċċetta u għalhekk mistenni jibda t-taħdidiet biex jifforma l-Gvern.
Mattarella qal li jrid Gvern tekonkratiku bil-għan li jkun iffurmat malajr biex l-Italja ma tibqax bla Gvern f'dan iż-żmien kruċjali li fih qed tissielet kontra l-pandemija.
Insista li dan mhuwiex żmien il-kampanji elettorali u l-elezzjonijiet.
Giuseppe Conte rriżenja mill-Prim Ministru wara li tilef il-maġġoranza fis-Senat.
Dan ġara hekk kif il-partit Italia Viva mmexxi mill-eks Prim Ministru Matteo Renzi ħareġ mill-koalizzjoni bi kritika dwar kif il-gvern immaniġġja l-kriżi tal-coronavirus u r-riċessjoni ekonomika.
Taħdidiet biex ikun Conte li jerġa' jifforma Gvern, fallew matul il-ġimgħa li għaddiet.