Il-Ġermanja testendi l-lockdown sas-7 ta' Marzu

Merkel tilqa' l-fatt li l-każi qed jonqsu iżda tisħaq li l-varjanti l-ġodda jistgħu jikkawżaw it-tielet mewġa ta' infezzjonijiet

Il-kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u s-16-il Gvernatur tal-pajjiż qablu li jestendu l-lockdown sas-7 ta' Marzu li ġej u dan minħabba tħassib li varjanti ġodda tal-Covid-19 jistgħu jerġgħu jżidu drastikament il-każi l-ġodda wara li dawn niżlu fl-aħħar jiem.

Skont il-ftehim milħuq, ħafna mir-restrizzjonijiet li ġew imposti bħala parti mil-lockdown li kellu jintemm nhar il-Ħadd li ġej issa ġew estiżi. Saru biss xi eċċezzjonijiet, fosthom għall-ħwienet tax-xagħar u l-barbiera li ngħataw permess jiftħu mill-1 ta' Marzu.

It-tieni lockdown fil-Ġermanja beda f'Novembru li għadda u kien ġie estiż u anke msaħħaħ qabel il-Milied.

L-aħħar deċiżjoni tfisser li l-barijiet, ir-ristoranti u tista' tgħid kważi l-ħwienet kollha mhux essezjali se jibqgħu magħluqa.

Sal-bieraħ, il-Ġermanja kellha 8,072 każ ġdid tal-Covid-19 u 813-il persuna tilfu ħajjithom.

Il-medja fuq sebat ijiem niżlet għal 68 każ għal kull 100,000 ċittadin. It-tir tal-Gvern huwa li jniżżel dan in-numru taħt il-50. Fi żmien il-Milied il-medja kienet dik ta' 200 każ għal kull 100,000 abitant. 

Merkel saħqet li r-rata tal-infenzjoni niżlet minn medja ta' 110 każ f'perjodu ta' żewġ ġimgħat biss u saħqet li dan ifisser li l-miri tal-Gvern jistgħu jintlaħqu.

Insistiet li dawn huma aħbarijiet sbieħ iżda ħeġġet lill-Ġermaniżi kollha biex jibqgħu jobdu r-restrizzjonijiet hekk kif il-varjanti tal-virus jistgħu jikkawżaw it-tielet mewġa ta' infezzjonijiet.

More in Barranin