L-imwiet kawża tal-pandemija tal-Covid-19 fl-Ewropa qabżu l-miljun persuna, bl-Għaqda Dinjija għas-Saħħa twissi li l-pandemija issa laħqet “punt kritiku.”
Fil-fatt, l-imwiet fil-52 pajjiż tal-Ewropa jaqbżu dawk tal-Amerika Latina u l-Karibew (832,577), tal-Istati Uniti u l-Kanada (585,328) u tal-Asja (285,824).
“Ninsabu f’punt kritiku tal-pandemija,” saħqet Maria Van Kerkhove mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa.
Insistiet li l-imxija tal-pandemija qed tiżdied u qed tiżdied drastikament. “Din mhijiex is-sitwazzjoni li rridu wara 16-il xahar f’pandemija meta għandha miżuri ta’ kontroll li jaħdmu,” insistiet.
L-imwiet f’sitt pajjiżi tal-Ewropa jammontaw għal 70% tal-imwiet fil-kontinent:
- Ir-Renju Unit – 127,100
- L-Italja – 114,613
- Ir-Russja – 103,263
- Franza – 99,163
- Il-Ġermanja – 78,452
- Spanja - 76,525.
Sa Jannar li għadda, ir-Renju Unit kien qed jirreġistra 8,700 mewta f’ġimgħa, iżda l-każi naqsu drastikament hekk kif beda l-programm tat-tilqim. Fl-aħħar sebat ijiem kienu rreġistrati 238 mewta.
Il-pajjiż beda jnaqqas ir-restrizzjonijiet it-Tnejn wara li 60% tal-popolazzjoni rċeviet imqar l-ewwel doża tal-vaċċin.
Madanakollu l-Italja, ir-Russja u anke Franza qed iħabbtu wiċċhom mat-tielet mewġa.