Franza introduċiet ċertifikat diġitali għall-ivjaġġar li se jkun qed jippermetti l-ivjaġġar minn u lejn territorji tagħha u eventwalment anke minn u lejn pajjżi oħra Ewropej. Fil-fatt, Franza se tkun qed tilqa’ vjaġġaturi li jkunu ħadu t-tilqima, li jkollhom test negattiv tal-Covid-19 u dawk li kellhom il-virus u fiequ.
Dan iċ-ċertifikat li huwa simili għall-passaport tal-vaċċin li qed ikun diskuss minn diversi pajjiżi, se jkun disponibbli fuq applikazzjoni li qed tissejjaħ TousAntiCOVID.
Fuq din l-app ikun hemm imniżżel ċertifikazzjoni tal-vaċċin, ir-riżultati tat-testijiet u anke rekord dwar jekk persuna fiqitx mill-Covid-19.
Dan jagħmel lil Franza l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li introduċa dan iċ-ċertifikat diġitali għaċ-ċittadini tiegħu.
Għalissa, din is-sistema se tkun ittestjata fuq dawk it-titjiriet minn u lejn Korsika, iżda se tinfirex għal aktar territorji fil-ġimgħat li ġejjin.
Le Monde qed tirraporta wkoll li din l-istess sistema tista’ tkun użata għal avvenimenti pubbliċi, kunċerti, festivals u fieri. Mhux mistennija li tkun qed tintuża għal bars u ristoranti.