Aktar pajjiżi Ewropej ikomplu jerħu r-restrizzjonijiet anke jekk b'mod kawt ħafna
F'ċertu każi r-restrizzjonijiet tnaqqsu anke jekk ir-rata ta' infezzjoni għadha mhijiex baxxa
More in Barranin
F'ċertu każi r-restrizzjonijiet tnaqqsu anke jekk ir-rata ta' infezzjoni għadha mhijiex baxxa
Diversi pajjiżi Ewropej qed jerħu r-restrizzjonijiet kontra l-Covid-19 anke jekk f’ċertu pajjiżi, il-każi u r-rati ta’ infezzjonijiet għadhom għolja.
Fi Franza, tneħħiet ir-restrizzjoni dwar l-ivjaġġar domestiku filwaqt li l-istudenti tas-sekondarja u oħrajn reġgħu rritornaw fl-iskejjel.
Madanakollu għadu fis-seħħ curfew ta’ matul il-lejl. Ir-ristoranti u l-kafetteriji mhux se jitħallew jiftħu qabel id-19 ta’ Mejju u għall-ewwel se jkunu jistgħu biss iservu lill-klijenti fuq barra.
Dakinhar mistennija jiftħu wkoll il-mużewijiet, iċ-ċinema, it-teatri u s-swali tal-kunċerti, anke jekk taħt ċertu restrizzjonijiet.
Franza għadha qed tirrapporta madwar 22,000 każ kuljum. Aktar kmieni dan ix-xahar kien qed ikollha madwar 40,000 każ kuljum.
Fil-Greċja wkoll tneħħew ħafna restrizzjonijiet li kienu ilhom imposti minn Novembru li għadda. Ir-ristoranti u l-kafetteriji issa qed jitħallew iservu lin-nies fuq barra.
Mill-15 ta’ Mejju se jerġgħu jifetħu wkoll in-negozju u anke jingħataw dawk is-servizzi marbuta mat-turiżmu.
L-Ungerija wkoll neħħiet ħafna restrizzjonijiet bis-saħħa ta’ ċertifikat tal-vaċċin li se jkun qed jintuża wkoll għal raġunijiet domestiċi, xi ħaġa li anke f’Malta qed issir diskussjoni fuqha, kif qed tirrapporta l-gazzetta ILLUM minn żmien għal żmien.
Aqra wkoll: Diversi favur l-introduzzjoni ta’ ċertifikat diġitali tal-vaċċin għall-użu domestiku
Fil-fatt, persuni li jkollhom dan iċ-ċertifikat qed jitħallew jidħlu jieklu fir-ristoranti, iżuru lukandi, teatri, iċ-ċinema, l-ispas, il-gyms, il-libreriji, il-mużewijiet u anke stabbilimenti oħra ta’ rikreazzjoni.
In-negozji kollha qed jitħallew jiftħu sal-11pm, hekk kif il-curfew li ilu impost minn Novembru issa se jkun qed jibda f’nofsilejl.
Fl-Italja wkoll komplew jonqsu r-restrizzjonijiet hekk kif l-istudenti qed jirritornaw fl-iskejjel u l-mużewijiet u ċ-ċinema reġgħu fetħu. Jistgħu jiftħu wkoll diversi stabbilimenti ta’ ħdejn il-baħar.
Fl-Olanda wkoll tneħħa l-curfew ta’ matul il-lejl. Tħallew jiftħu wkoll il-barijiet u l-kafetteriji, anke jekk jistgħu jservu biss lin-nies fuq barra bejn nofsinhar u s-6pm.
Is-sidien ma tantx huma kuntenti, mhux biss bil-ħinijiet, imma anke għax madwar mejda jista’ jkun hemm biss żewġ persuni mill-istess household.