Persuni fl-Ingilterra u anke fl-Irlanda ta' Fuq u li jkunu mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19 mhux se jkunu kostretti jagħmlu kwarantina jekk jiġu f'kuntatt ma' persuna li tkun pożittiva għall-Covid-19.
Minflok jagħmlu kwarantina ta' għaxart ijiem, dawk imlaqqma kompletament qed ikunu mitluba jagħmlu PCR test anke jekk dan mhux obbligatorju.
Qed ikun irrakkomandat li dawn jilbsu l-maskra f'postijiet fil-magħluq u jillimitaw il-kuntatt tagħhom mal-oħrajn, speċjalment ma' dawk li huma vulnerabbli.
Dan se jkun jgħodd ukoll għal dawk li għandhom inqas minn 18-il sena.
Dawn il-bidliet diġà daħlu fis-seħħ kemm fl-Iskozja u anke f'Wales.
Il-Ministru għas-Saħħa Ingliż, Sajid Javid saħaq li dawn il-bidliet huma pass ieħor lejn "il-proċess kawt għan-normalità," u insista li dan huwa possibbli minħabba t-tilqim.
"Il-vaċċin huwa dak li se jġib din il-pandemija fi tmiem. Aktar minn 84,000 ħajja diġà ġew salvati u prevenejna aktar minn 23 miljun infezzjoni," insista.
Ta' min ifakkar li r-Renju Unit neħħa kważi r-restrizzjonijiet kollha li kien impona fl-eqqel tal-pandemija u sa issa ma kien hemm l-ebda żieda sostanzjali fil-każijiet. Meta żdiedu l-każi, kif ġara fil-każ ta' Malta, l-għadd ta' pazjenti fl-isptar u anke r-rata tal-imwiet, baqgħu stabbli.
Intant, mil-lum anke f'Malta se jidħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar il-kwarantina.
Persuni li huma mlaqqma kompletament u li jiġu f'kuntatt ma' persuni pożittivi, se jkunu jistgħu jagħmlu kwarantina ta' sebat ijiem. Dan ma jgħoddx għall-persuni li jkunu pożittivi għall-virus u għal dawk li jibqgħu jgħixu magħhom u lanqas għal dawk it-turisti li jidħlu f'Malta mingħajr ċertifikat tal-vaċċin.