Pirmla ġiet żviluppata mill-kumpanija Amerikana Pfizer bil-ħsieb li sservi ta' kura kontra l-Covid-19. Ir-riżultati tal-provi kliniċi ta' din il-pirmla jissuġġerixxu li hija tnaqqas sintomi severi jew mewt, b’89% f’adulti vulnerabbli.
Il-mediċina - Paxlovid - hija maħsuba biex tittieħed malajr wara l-ewwel sintomi li jiżviluppaw f'nies f'riskju għoli ta' mard sever.
Min-naħa tagħha l-kumpanija Pfizer tgħid li waqfet il-provi kmieni peress li r-riżultati inizjali kienu pożittivi.
Uffiċjali tas-saħħa kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fir-Renju Unit qalu li pilloli effettivi jistgħu jgħinu biex tintemm il-pandemija, minħabba li l-pilloli jistgħu faċilment jingħataw id-dar.
Pfizer tgħid li din il-pirmla hija megħjuna minn doża baxxa ta’ ritonavir, mediċina użata fil-korsijiet ta’ kura tal-HIV/AIDS. Ritonavir jgħin lill-mediċina ta' Pfizer jippersistu għal żmien itwal fil-ġisem tal-bniedem, u jagħmilhom aktar effettivi fil-ġlieda kontra virus.