Il-President Franċiż Emmanuel Macron jista’ jitlef il-maġġoranza tiegħu fl-Assemblea Franċiża wara li koalizzjoni xellugija, immexxija minn Jean-Luc Mélenchon spiċċat ras imb’ras mal-partit Ensemble ta’ Macron.
Waqt l-ewwel votazzjoni li seħħet ilbieraħ, it-turnout kien wieħed baxx ħafna. Kienu 47.5% ta’ dawk eliġibbli li marru jivvotaw.
Biex iżomm il-maġġoranza, Macron irid jirbaħ 289 siġġu minn 577.
Il-partit ta’ Macron kiseb 25.71% tal-voti, ftit biss aktar mill-koalizzjoni xellugija li kisbet 25.61%.
Sakemm kandidat ma jirbaħx aktar minn 50% tal-voti, ibbażat fuq kwart tal-elettorat, it-tiġrija tkompli nhar il-Ħadd li ġej bil-votazzjoni tkun bejn l-aktar żewġ kandidati li ġabu voti u kwalunkwe persuna oħra li tkun ġabet aktar minn 12.5% tal-voti.
Mélenchon qed jisħaq li l-alleanza mmexxija minnu tinsab fuq quddiem u saħansitra qal li l-partit ta’ Macron se jitlef.
Huwa ħeġġeġ lill-votanti biex nhar nhar il-Ħadd li ġej imorru jivvotaw u “jwarrbu għal kollox il-politika diżastruża ta’ Macron.”
Macron rebaħ it-tieni terminu bħala President ta’ Franza. Madanakollu għandu bżonn maġġoranza ta’ Deputati fl-Assemblea biex ikun jista’ jmexxi bir-riformi li wiegħed.