F'Singapor, tingħata l-piena kapitali lil mara għall-ewwel darba f’kważi 20 sena
Dan hekk kif l-2018, Saridewi Djamani nqabdet b’30 gramma eroina 'għall-użu personali'
More in Barranin
Dan hekk kif l-2018, Saridewi Djamani nqabdet b’30 gramma eroina 'għall-użu personali'
Uffiċċjali minn Singapor jikkonfermaw illi ngħatat il-piena kapitali lil mara għall-ewwel darba mis-sena 2004 l’hawn. Attivisti fil-pajjiż ħarġu jipprotestaw fit-toroq, filwaqt li rreferu għal dawn l-eżekuzzjonijiet bħala vjolenza mill-istat.
Saridewi Djamani, li kienet ċittadina tal-pajjiż, ġiet misjuba ħatja ta’ traffikar ta’ eroina, wara li kienet inqabdet b’30 gramma fis-sena 2018. Dan minkejja illi hi xehdet li dawn kienu għall-użu personali u kienet qed iżommhom għall-użu personali, għal waqt is-sawm tar-Ramadan.
Hi kienet it-tieni persuna li ngħatat din il-sentenza din il-ġimgħa, u l-15-il waħda minn Marzu tal-2022. Din l-aħbar tiġi wara li fis-26 ta’ Lulju, ġiet esegwita l-istess sentenza ma’ Mohd Aziz bin Hussain, li kien misjub ħati ta’ traffikar ta’ kilo kannabis. Skont l-Awtoritajiet, huwa qatt ma għamel kuntatt mas-sustanza, pero kkordina l-bejgħ minn fuq il-mowbajl. B'hekk s'issa, qabel Djamani, kienu kollha rġiel li ngħataw il-piena kapitali f' Singapor.
Singapor magħruf madwar id-dinja bħala wieħed mill-aktar pajjiżi stretti fejn jidħol l-infurzar fuq id-droga, bil-Gvern jgħid li dan huwa neċessarju sabiex tiġi ssalvagwardjata s-soċjetà.
Il-liġi tal-pajjiż tesiġi li l-piena kapitali tingħata lil kull min jinqabad b’aktar minn nofs kilo kannabis, jew b’aktar minn 15-il gramma eroina.
Is-Central Narcotics Bureau ta’ Singapor qal li s-sentenza u l-eżekuzzjoni tagħha saru inkonformità mar-rekwiżiti tal-proċedura tal-liġi. Dan wara li Djamani tilfet l-appell quddiem l-għola Qorti tal-pajjiż f’Ottubru li għadda, kif ukoll rat petizzjoni għal maħfra Presidenzjali tiġi miċħuda.
Minkejja dan, din l-aħbar ġibdet kritika internazzjonali. Il-biljunarju Brittaniku Sir Richard Branson saħaq li l-piena kapitali ma sservix ta’ deterrent kontra r-reati. “It-traffikanti ż-żgħar għandhom bżonn għajnuna, għax huma vittmi taċ-ċirkostanzi tagħhom,” żied jgħid.
Kelliema minn Amnesty International Chiara Sangiorio kkummentat li “M’hemm l-ebda evidenza li l-piena kapitali sservi ta’ deterrent, jew li għandha impatt fuq il-bejgħ u l-użu tad-droga. L-unika messaġġ li qed jintbagħat huwa li l-Gvern lest imur kontra l-gwidi internazzjonali fuq l-użu tal-piena kapitali.”
Eżempju ta’ dawn huwa Artiklu 6.2 tal-Patt Internazzjonali fuq id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. Dan jgħid li, f’pajjiżi li m’abbolixxewx il-piena kapitali, din għandha tingħata biss għall-aktar reati gravi.
Singapor huwa wieħed minn erba’ pajjiżi fejn ingħatat il-piena kapitali f’każijiet relatati mad-droga riċentament. It-tlieta l-oħra huma ċ-Ċina, l-Arabja Sawdija u l-Iran.