In-numru ta' mejtin fil-Libja jitla' għal 5,000
B'hekk, huwa l-aktar għargħar fatali fl-Afrika f'aktar minn 100 sena, u n-numru mistenni jogħla, b'10,000 persuna rrappurtata nieqsa
More in Barranin
B'hekk, huwa l-aktar għargħar fatali fl-Afrika f'aktar minn 100 sena, u n-numru mistenni jogħla, b'10,000 persuna rrappurtata nieqsa
It-traġedja li ġabet magħha l-Maltempata Daniel uffiċċjalment saret l-aktar għargħar li kkaġuna mwiet fl-Afrika għal aktar minn 100 sena, hekk in-numru ta’ mejtin issa laħaq il-5,000.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministru għall-Intern tal-pajjiż, dan iddikkjara li aktar minn 5,000 persuna qed jiġu maħsuba mejta. Dan apparti l-10,000 persuna oħra li ġew irrappurtati neqsin.
“Fil-belt ta’ Derna, il-post l-aktar milqut, l-isptarijiet m’għadhomx qed joperaw u l-kmamar mortwali huma mimlija,” qal Osama Ali, kelliem għas-Servizzi ta’ Emerġenza. “Katavri qed jitħallew fuq bankini barra l-kmamar mortwali.” Dan apparti numru kbir ta’ katavri li kienu rrappurtati li ndifnu f’daqqa f’oqbra għall-massa.
Aly spjega kif l-awtoritajiet Libjani ma kienux preparati għal avveniment bħal dan, u qed jammettu li kien hemm nuqqasijiet fl-ippjanar, minkejja li qatt m’affaċċjaw xi ħaġa simili.
Dan huwa reġjun imdawwar bil-muntanji, li b’hekk jinġarr lejh ammont sostanzjali ta’ ilma. L-esperti qed jaħsbu li kien ħajt li jilqa’ l-ilmijiet 12-il kilometru bogħod mill-belt li ċeda l-ewwel, u b’hekk ammont ferm akbar mis-soltu ta’ ilma nġarr lejn il-widien. Ftit wara, ċeda ieħor viċin ħafna tal-belt.
Aktar minn 30,000 persuna minn din il-Belt kellhom iħallu djarhom sabiex imorru f’postijiet aktar siguri.
Anas Barghathy, tabib voluntier li qiegħed fil-pajjiż, stqarr li, “Fil-mument, qed naħdmu sabiex niġbru l-katavri li qed jiddikomponu.” Huwa rrappurtat li tużżani ta’ katavri qed jinġabru mill-baħar tal-madwar hekk kif dawn qed jibqa’ jiġu mkaxkrin. Fost dawn, instabu 145 Eġizzjan.
Dan apparti dawk li qed jinġabru minn taħt it-tiġrif u mill-widien.
Numru ta’ pajjiżi taw l-għajnuna tagħhom fil-forma ta’ riżorsi umani, fosthom it-Turkija, l-Italja u Malta.