Wirja li tiċċelebra l-Festa Maltija fil-Parlament Ewropew

Il-wirja qed tittella’ fil-Parlament Ewropew f’Brussell mis-6 sal-11 ta’ Marzu 2024

Il-wirja tinkludi emblemi u ritratti tal-folklor fost oħrajn (Ritratt: MHAL)
Il-wirja tinkludi emblemi u ritratti tal-folklor fost oħrajn (Ritratt: MHAL)

Tnediet wirja fi Brussell li tiċċelebra l-Festa Maltija, dan wara li l-istess festa Maltija ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.

Fil-wirja qed jiġu eżebiti bandalori li juru emblemi u ritratti mill-folklor u l-istorja tagħna, bħas-Salib ta’ Malta, elementi mill-Ordni tal-Kavallieri, u oġġetti ta’ valur tradizzjonali oħra. Barra minn hekk hemm ukoll żewġ screens armati li fuqhom se jidhru ftit mumenti mill-Festa Maltija.

Din il-wirja, li hija mtella’ mid-Direttur Artistiku Antoine Farrugia, se toffri esperjenza daqslikieku wieħed qiegħed jimxi minn triq tar-raħal jew belt imżejna għall-festa. 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nedew il-wirja. Fir-rimarki tiegħu, il-Ministru Bonnici spjega li 14-il soċjetà marbuta mal-festa Maltija qed jipparteċipaw f’din il-wirja filwaqt li fakkar kif  l-Festa hija parti tanġibbli mill-kultura ta’ pajjiżna.  

Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba spjega li tesponi x-xogħol mirqum li jagħmlu l-artisti Maltin fil-festa li hija parti integrali mit-tradizzjonijiet u l-identità ta’ pajjiżna.

 

More in Barranin