Ħames żwiemel militari, bla rikkieb, ħarbu mill-Household Cavalry għaċ-ċentru ta’ Londra, u kkawżaw ħerba filwaqt li ħallew diversi individwi midruba.
L-inċident seħħ waqt dak li l-armata ddeskriviet bħala eżerċizzju ta’ rutina fiż-żona ta’ Belgravia.
Ix-xhieda rrappurtaw mal-BBC li ż-żwiemel kienu tgerfxu bl-istorbju tal-bennejja impenjati f’xogħol ta’ kostruzzjoni fil-qrib.
Ritratti u filmati fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali, qabdu liż-żwiemel jiġru fit-toroq, b’wiwħed mir-ritratti juri biċ-ċar żiemel abjad miksi bid-demm.
Servizzi ta’ emerġenza daru diversi postijiet madwar Londra, inkluż Buckingham Palace Road, Belgrave Square, u l-junction ta’ Chancery Lane u Fleet Street.
Erba’ individwi ttieħdu l-isptar għall-kura, fosthom tliet membri tal-Household Cavalry, għalkemm fortunatament, il-ġrieħi tagħhom huma rrappurtati li kienu ħfief.
Il-kavallerija militari involuta fl-inċident kienet qed tħejji għal Spezzjoni tal-Ġeneral Maġġur, pass kruċjali qabel il-parteċipazzjoni fil-parata li ġejja ta’ għeluq is-snin ir-Re Karlu.
L-eżerċizzju kien jinkludi sitt suldati u seba’ żwiemel, li erbgħa minnhom ġew żmuntati waqt il-kaos.
Minkejja t-taħwid, il-ħames żwiemel maħruba kollha eventwalment ġew maqbuda u rritornati lejn il-bażi militari għall-valutazzjoni minn veterinarju.
Kelliem għall-Armata indirizza lill-midja, fejn iċċara li filwaqt li ħames żwiemel ħarbu, erba’ suldati biss ġew mitfugħa minn fuq is-sruġ tagħhom.
Din id-diskrepanza kienet attribwita għal fatt li wieħed mis-suldati kien responsabbli għal żewġt iż-żwiemel involuti.