L-Unjoni Ewropea se tibda’ bit-taħditiet fil-Lussemburgu dwar l-isħubija tal-Ukrajna u l-Moldova.
Il-Belġju, bħalissa l-President tal-Kunsill tal-UE, ikkonferma dan, waqt li spjega li l-pass li jmiss hu li jiġi diskuss qafas tan-negozjati dwar l-isħubija ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi.
Sena ilu, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-Prim Ministru Robert Abela, kienu qablu mal-bidu tan-negozjati tas-sħubija. Dan wara li kien seħħ eżaminazzjoni mill-fergħa eżekuttiva tal-UE.
Iż-żewġ pajjiżi applikaw biex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-2022, wara li r-Russja invadiet l-Ukrajna.
Il-proċess tas-sħubija hu maħsub jieħu numru ta’ snin, iżda l-konferma tat-taħditiet xorta kkuntenta lill-Presidenti tal-pajjiżi kkonċernati, bil-President tal-Ukrajna kif ukoll tal-Moldova jesprimu l-gratitudni tagħhom.
Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy irringrazzja lil kull min għamel dan il-mument storiku realtà, waqt li qal li “l-Ukrajna se tirritorna fl-Ewropa biex fl-aħħar tieħu postha fil-komunità Ewropea”.
Il-President tal-Moldova sostniet li “s-sħubija fl-EU tfisser li l-pajjiż miexi fit-triq li jista’ jwassal għall-paċi, prosperità u ħajja aħjar għaċ-ċittadini”.