Il-Forzi Iżraelni (IDF) ħabbru s-Sibt filgħodu li Sheikh Hassan Nasrallah, il-mexxej tal-moviment militanti Shia Islamista Libaniż, Hezbollah, ġie maqtul f’attakki mill-ajru fuq Beirut matul il-lejl.
Fi stqarrija mxandra fuq il-profil uffiċjali tal-IDF fuq X, l-Iżrael qal, “Hassan Nasrallah m’għadux se jkun jista’ jheddu.” Minkejja dan, il-moviment Hezbollah għadu ma kkummentax fuq din l-aħbar.
L-istqarrija tal-IDF tiġi wara sensiela ta' attakki li seħħew matul il-lejl fuq il-kapitali tal-Libanu, b'Iżrael jgħid li dawn kienu mmirati direttament lejn Nasrallah u l-mexxejja l-oħra ta’ Hezbollah.
Hassan Nasrallah, mexxej tal-Hezbollah, huwa figura influwenti fil-Lvant Nofsani b'rabtiet mal-Iran, pajjiż li jappoġġja lil Hezbollah. Għal snin, Nasrallah ma deherx fil-pubbliku minħabba biża’ ta’ attentati fuq ħajtu minn Iżrael.
Nasrallah huwa meqjus bħala simbolu tal-Hezbollah, u kellu rwol ewlieni fit-tisħiħ ta’ din l-organizzazzjoni li saret forza politika u militari b’saħħitha fil-Libanu. Fil-fatt, Hezbollah hija kklassifikata bħala organizzazzjoni terroristika mill-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, u pajjiżi oħrajn.
Taħt it-tmexxija ta’ Nasrallah, Hezbollah mhux biss saret forza militari b’saħħitha fil-Lvant Nofsani, iżda wkoll għenet fit-taħriġ ta' militanti minn gruppi armati oħra bħall-Hamas fil-Palestina. I
Minn Ottubru tas-sena li għaddiet, Hezbollah bdiet titfa rockets lejn l-Iżrael bħala sinjal ta' solidarjetà mal-Palestinjani f'Gaża, li kienu qed jesperjenzaw l-attakki brutali ta' Iżrael wara l-massakru f’Ottubru minn militanti tal-Hamas fuq ċittadini Iżraeljani.
Dan l-iskambju bejn Hezbollah u l-forzi Iżraeljani wassal għall-ispostament ta’ eluf ta’ ċittadini, kemm Libaniżi kif ukoll Iżraeljani, minn rħula viċin il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-attakki fl-iljieli bejn il-Ġimgħa u s-Sibt kienu l-iktar intensi s’issa, fejn Iżrael iddikjara li kien qed jimmira direttament lejn il-mexxejja ta’ Hezbollah, inkluż Nasrallah. Dawn l-attakki kienu segwitu b’diskors defianti tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Netanyahu wera li m’hemm l-ebda tama ta’ waqfien mill-ġlied, minkejja l-appelli minn potenzi tal-Punent biex jittaffa t-tensjoni fil-Lvant Nofsani.