Iżrael bdiet invażjoni fuq l-art f’Lebanon, hekk kif l-Armata tad-Difiża Iżraeljana (IDF) intensifikat il-ġlied tagħha kontra Hezbollah. L-IDF iddeskriviet din l-invażjoni bħala "raids limitati, lokalizzati u mmirati" li se jiffokaw fuq l-infrastruttura ta’ Hezbollah.
Din l-invażjoni ssegwi sensiela ta’ attakki mill-ajru mill-Iżrael, wara attakki b’rockets minn Hezbollah lejn it-Tramuntana ta’ Iżrael. L-attakki b’rickets kienu risposta għas-sensiela ta’ assassinji ta’ mijiet ta’ militanti u ċivili ta’ Hezbollah, użati permezz ta’ pagers u walkie-talkies splussivi. L-Iżrael u l-Mossad għadhom ma kkumentawx dwar dawn l-assassinji, iżda ħafna qed jippuntaw subgħajhom lejhom.
Il-gvern Iżraeljan qed jagħmel pressjoni biex iċ-ċittadini tiegħu jerġgħu lura lejn it-Tramuntana tal-pajjiż, wara li kienu mġiegħla jitilqu minħabba l-attakki b’rockets ta’ Hezbollah, li ġew ikkawżati mill-gwerra tal-Iżrael f’Gaza.
Id-deputat mexxej ta' Hezbollah iddikjara li l-organizzazzjoni hija lesta għal invażjoni fuq l-art, u indika li l-grupp huwa determinat li jkompli jiġġieled minkejja li qed jaffaċċja avversarji ferm iktar armati.
Sadanittant, l-awtoritajiet Libaniżi rrappurtaw li n-numru tal-vittmi diġà qabeż l-1,000 fi żmien ġimgħatejn biss, filwaqt li miljun ċittadin Libaniż sfaw barra minn djarhom.
Il-UE sejħet għal laqgħa urġenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, hekk kif il-kap tal-politika barranija, Josep Borrell, insista li għandhom jiġu evitati aktar azzjonijiet militari biex ma jiggravawx aktar is-sitwazzjoni diġà tensjonata.