Miljun persuna taħt ordni ta' evakwazzjoni bi twissija tal-urugan Milton

Ir-residenti ta' Florida għandhom l-aħħar ċans biex jevakwaw jew ifittxu kenn qabel mal-Uragan Milton, kategorija 5, jolqot il-peniżola b'qawwa

(Ritratt: X.com)
(Ritratt: X.com)

Ir-residenti ta' Florida għandhom l-aħħar ċans biex jevakwaw jew ifittxu kenn qabel mal-Uragan Milton, kategorija 5, jolqot il-peniżola b'qawwa.

Aktar minn miljun persuna jinsabu taħt ordnijiet ta' evakwazzjoni, bil-ġurnata tat-Tlieta tara t-toroq ewlenin mimlija bil-karozzi ta’ residenti jaħarbu mill-periklu.

Fl-istess ħin, ħafna pompi tal-petrol spiċċaw mingħajr fuel, f’żona li għadha qed tirkupra mill-effetti tal-Uragan Helene, li laqat il-post biss ġimagħtejn ilu.

L-Uragan Milton huwa mistenni jolqot iż-żona ta' Tampa Bay, fejn jgħixu aktar minn tliet miljun persuna. Madanakollu, iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Uragani (NHC) wissa li l-mogħdija eżatta tista' tinbidel qabel ma l-maltempata tolqot.

Milton ġie deskritt bħala "estremament perikoluż," b’riħ sostenut li jilħaq massimu ta’ 260 kilometru fis-siegħa.

Il-previżjonijiet meteoroloġiċi jindikaw li l-kundizzjonijiet tat-temp se jmorru għall-agħar sa nofsinhar tal-Erbgħa, hekk kif l-uragan jagħmel triqtu lejn il-punent ta’ Florida. Mistenni wkoll li maltempata fatali ta’ madwar tliet metri jew aktar tolqot il-kosta tal-Golf ta' Florida.

Uffiċjali, inkluż il-President Joe Biden, ħeġġew lir-residenti fiż-żoni ta' evakwazzjoni biex jitilqu immedjatament qabel ma jiffaċċjaw konsegwenzi fatali.

Għalkemm ir-riħ ta' Milton jista' jnaqqas fil-veloċità, u b’hekk il-kategorija tiegħu tonqos, id-daqs tal-maltempata qed ikompli jespandi, u qed ipoġġi aktar żoni kostali f'riskju.

More in Barranin